“Ma jien se nħalli lill-ebda persuna tattakka lili jew lill-familja tiegħi billi juża lil missieri għal skopijiet partiġjani għax bintu għandha rwol politiku”.
Dan qalitu l-President tal-Partit Laburista, Ramona Attard, wara li fluq blog ġew iċċirkolati allegazzjonijiet foloz li missierha kien ibbenefika minn xi skema ta’ benefiċċji soċjali li ma kienx intitolat għaliha.
Il-President tal-Partit Laburista qalet li dawn l-allegazzjonijiet fil-konfront ta’ missierha huma kollha gideb li oriġinaw minn klikka ta’ ħażen.
Dr Attard kompliet tispjega li missierha qatt ma ħa assistenza jew pagamenti taħt benefiċċju għal diżabilità severa li hu mertu tal-investigazzjoni li qed tissemma bħalissa. Iżda b’differenza hu kien ġie ċċertifikat taħt il-Pensjoni tal-Invalidità, aktar minn tmien snin ilu wara proċess mediku, u mhux ftit tas-snin ilu, kif qed jissemmew fl-allegati każi li kien hemm fil-mezzi tax-xandir.
Kompliet tgħid li l-ewwel darba li missierha ġie ċċertifikat – u għalhekk intitolat għall-benefiċċju – kien fl-1993, meta hi kellha biss disa’ snin, wara li snin ilu missierha kien għadda minn trawmi severi, waqt ix-xogħol tiegħu bħala uffiċjal tal-Pulizija, inkluż meta sparaw fuqu.
Il-President tal-Partit Laburista qalet li d-dokumenti mediċi li għandu missierha, huma ġenwini u ffirmati minn professjonist tal-kura psikjatrika li missierha kien imur għandu regolarment u m’għandux x’jaqsam mal-każi fl-aħbarijiet illum.
Filwaqt li saħqet li, sal-lum ħadd ma kien implika lil missierha f’dan il-każ u lanqas ġie mitkellem mill-investigazzjonijiet li għaddejjin, qalet li hi tal-mistħija li hemm min qed jipprova jinstiga azzjoni kriminali fuq każ ġenwin fil-familja tagħha, sempliċiment għax hu missierha.
Dan kollu juri kemm hawn min jobgħod lil min jimmilita fil-Partit Laburista. U għalhekk, kompliet il-President tal-Partit Laburista, hi determinata li tibqa’ taħdem għal dak li temmen fih u min mingħalih jaħseb li se jkun hemm xi forma ta’ intimidazzjoni sejjer żball.
Finalment, Ramona Attard qalet li l-ebda tentattiv mhu se jaljenaha milli tkompli l-ħidma politika.
Sadanittant wara li Attard ippubblikat stqarrija fuq il-mezzi soċjali, il-blogger li tella’ l-istorja rtiraha u ammetta li lanqas biss ivverifika l-fatti tagħha.
B’rabta ma’ dan il-każ, numru ta’ persuni oħra li l-Partit Nazzjonalista u l-forċini tal-establishment ipprovaw jimplikawhom ċaħdu xi involviment fil-każi attwali.
Il-Prim Ministru Robert Abela wkoll qal li kienet Kastilja stess li rrapportat l-każ is-sena l-oħra meta feġġew l-allegazzjonijiet u li hu konvint li l-ebda membru fil-Grupp Parlamentari preżenti m’għandu x’jaqsam ma’ din l-istorja.