Bormla u l-Birgu rebħu r-Regatta ta’ Jum il-Vitorja, li saret il-Ġimgħa waranofsinhar fil-Port il-Kbir.
Ix-shield se tinqasam bejn iż-żewġ timijiet għal sitt xhur kull wieħed, hekk kif ġabu l-istess ammont ta’ punti.
Bormla rebħu x-shield għat-tnejn u għoxrin darba fl-istorja tagħhom, waqt li l-Birgu rebħu x-shield għat-tieni darba fl-istorja.
L-ewwel sitt xhur se tmur il-Birgu minħabba li ġabu l-iżjed palji, waqt li fit-tieni sitt xhur ix-shield se tkun f’idejn il-Bormliżi.
F’Kategorija A, fl-ewwel post ġew Bormla u l-Birgu b’ammont totali ta’ 56 punt u fit-tieni post l-Isla b’26 punt.
Sadanittant, Bormla rebħu wkoll Kategorija B, b’total ta’ 80 punt. Warajhom ġew il-Kalkara b’48 punt u Birżebbuġa b’24 punt.
Dan filwaqt li t-tiġrija tan-nisa ntrebħet mill-Birgu.
Il-President tar-Regatta ta’ Bormla Evan Buttigieg sostna li din il-kisba hija importanti għal Bormla, hekk kif issa jinsabu shield ’il bogħod mill-klabb tal-Isla.
“Suċċess ieħor lejn il-Klabb ta’ Bormla għax int dment li veru r-Regatta ma tantx hija mdorrija tinqasam, però nżertat hekk għax il-punti qegħdin hemmhekk inqasmu. Unur ieħor għal Bormla għax fl-aħħar mill-aħħar għandna 22 plakka.”
Il-President tar-Regatta ta’ Birgu Disma Attard qal li din ir-rebħa kienet waħda mistennija wara 39 sena.
“Tfisser ħafna għal Birgu għax kien ilu ma nerbħuha 39 sena u għalina suċċess hu.”
Ix-shield tradizzjonali ngħatat mill-Ministru għall-Isport Clifton Grima, li sostna dwar l-importanza ta’ dan l-isport.
“Huwa kruċjali biex nassiguraw li nkomplu nkabbru dan l-isport u anki nattiraw aktar żgħażagħ, għaliex meta naraw lokalitajiet varji li għandek dawn il-klabbs, li huma istituzzjoni marbuta propju man-natura u mal-karattru tal-istess lokalità. Irridu nibqgħu naħdmu u nirsistu biex iva, ikollhom ir-relevanza li nattiraw aktar żgħażagħ biex nassiguraw li din it-tradizzjoni sportiva tibqa’ waħda ħajja u trendi f’pajjiżna.”
Din l-edizzjoni tar-regatta kienet ikkaratterizzata minn riħ qawwi, tant li dgħajjes spiċċaw taħt l-ilma. Fortunatament, ħadd ma weġġa’ f’dan l-inċident.