Permezz tal-iskema Community Development and Innovation, tletin għaqda volontarja jew non-governattiva irnexxilhom jieħdu fondi biex iwettqu proġetti fil-komunità, li jservu ta’ ġid komuni.
Is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Keith Azzopardi Tanti f’diskors li għamel, sostna li l-proġetti li se jkunu qed itejbu l-ħidma tal-għaqdiet se jkunu qed iwasslu kwalità ta’ ħajja aħjar liċ-ċittadini u faċilitajiet aktar teknoloġiċi u innovattivi.
Hu semma fost oħrajn li l-Gvern qed jgħin u jinċentiva lil dawn l-għaqdiet li huma limitati fil-finanzi tagħhom.
Antonella Gatt, Chairperson tal-Bord tal-għażla ta’ din l-iskema, tkellmet dwar il-proċess rigoruż li bih ġew magħżula l-proġetti finali li se jgawdi minnhom il-poplu kollu.
Hija semmiet li din l-iskema se tkun qed tgħin sabiex fil-qalba tal-irħula u l-ibliet, mhux biss fuq livell nazzjonali, tidħol it-teknoloġija.
Tkellmet li l-proġetti magħżula se jkunu qed joħolqu ġid komuni, għall-persuni ta’ kull eta, minn tfal tan-nurseries sportivi sa persuni mdaħħla sew fiż-żmien.