Bejn id-9 u l-10 ta’ Settembru, il-mexxejja politiċi tal-akbar għoxrin ekonomija madwar id-dinja se jkunu qegħdin jiltaqgħu f’New Delhi, l-Indja għal summit tal-G20.
Dan is-summit se jkun qiegħed iġorr it-tema ta’ “Dinja Waħda – Familja Waħda – Futur Wieħed”.
Fost it-temi fuq l-aġenda hemm l-iżvilupp u t-tkabbir sostenibbli, finanjzament b’rabta mal-klima, investimenti u kummerċ, qalba diġitali u l-ħarsien tal-paċi internazzjonali.
Dan is-summit qed jittella’ bħala parti mill-presidenza tal-Indja, f’dan il-grupp ta’ għoxrin stat, għal din is-sena.
L-Unjoni Ewropea, hija rappreżentata f’dan il-grupp b’mod kollettiv, apparti li Franza, il-Ġermanja u l-Italja huma membri għal rashom. Spanja hija mistiedna permanenti f’dan il-forum.
L-aħħar forum ttella’ f’Bali, l-Indoneżja fejn il-mexxejja politiċi ddiskutew l-impatt tal-Gwerra fl-Ukrajna, l-ekonomija globali, u s-sigurtà tal-provvista tal-ikel u l-enerġija b’mod partikolari.