Bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet tal-festa nazzjonali ta’ Jum il-Vitorja, il-Ħamis filgħaxija saret quddiesa pontifikali nazzjonali fil-Knisja Matriċi u Arċipretali ddedikata lil Marija Bambina fin-Naxxar, immexxija mill-Isqof Awżiljarju Joseph Galea Curmi. Dan wara li l-Erbgħa saret serata kommemorattiva qasira f’Misraħ l-Assedju, il-Belt Valletta.
Qabel il-quddiesa, fil-pjazza quddiem il-Knisja tan-Naxxar, il-Prim Ministru Robert Abela ngħata s-salut mill-Forzi Armati ta’ Malta, immexxija mill-Kap Kmandant, il-Brigadier Clinton O’Neill. Eżatt wara, il-President ta’ Malta George Vella spezzjona l-gwardja tal-unur.
Preżenti għaċ-ċelebrazzjoni kien hemm ukoll id-Deputat Speaker tal-Kamra tad-Deputati David Agius, Paula Mifsud Bonnici, f’isem il-Kap tal-Oppożizzjoni, u diversi membri Parlamentari oħrajn miż-żewġ naħat tal-Kamra.