Sindki ta’ erba’ lokalitajiet, li tkellem magħhom ONE News, tennew li l-iskema tal-ġbir tal-iskart qed taħdem fost ir-residenti tagħhom, għalkemm appellaw biex ikun hemm iżjed koperazzjoni mal-ġranet li fihom iridu jinħarġu l-boroż speċifiċi biex jinġabru.
Huma wkoll irreferew għal kollaborazzjoni li jsibu, inkluż bis-suġġerimenti li jgħaddu lir-reġjuni, li issa qed jamministraw il-ġbir tal-iskart huma, u lid-Dipartiment tal-Gvern Lokali.
F’dan ir-rigward tennew li, f’xi ħaġa ta’ kuljum bħalma hu l-ġbir tal-iskart, dejjem ikun hemm lok għal titjib.
Din hi stampa differenti minn dik li ttanta jpinġi l-Partit Nazzjonalista fl-aħħar jiem fejn is-Sindku tiegħu f’Tas-Sliema, John Pillow, ukoll inqabad jikkonfoffa biex iħalli tidher sitwazzjoni ħażina ħafna fil-lokal li jmexxi, qabel dawwar lill-ġurnalisti mat-toroq bil-boroż suwed barra, li hu riedhom hemm apposta.
Riekeb fuq sitwazzjoni, li kien qed jimmanipula hu stess, il-Partit Nazzjonalista akkuża lill-Gvern li tilef il-kontroll u li kien qed jagħlaq għajnejh għall-problema.
ONE News tkellem mas-Sindki tal-Belt Valletta, Ħal Safi, San Ġwann u ż-Żurrieq, li lkoll stqarrew li dejjem ikun hemm xi residenti li ma jimxux mal-iskeda u appellaw għall-buon sens f’dan ir-rigward għall-ġid tal-lokalità u tal-pajjiż inġenerali.
Sakemm tindara l-iskeda, li ddaħħlet f’April li għadda, il-Gvern u r-reġjuni qed jaħdmu kontinwament biex isiru anke arranġamenti neċessarji, inkluż permezz tad-Diviżjoni tat-Tindif u l-Manutenzjoni, u l-pajjiż ikun dixxiplinat aħjar u aktar nadif kemm għaċ-ċittadini kif ukoll għal dawk il-miljuni li jżuruna kull sena.
Eżempju ċar ta’ dan hu kif fl-aħħar ġimgħat u bi qbil mal-Kunsill tal-Belt, il-Gvern biddel il-ħinijiet tal-ġbir fil-kapitali, għax l-iscammel kien qed jgħaddi f’ħinijiet mhux xierqa, waqt li bosta nies ikunu għaddejjin bil-mixi jew bilqegħda fir-restoranti f’sitwazzjoni li ma kienet xejn pjaċevoli.
Is-Sindku tal-Belt Valletta, Alfred Zammit qal, “Aħna ħassejna li l-iskart fil-Belt Valletta kemm residenzjali u kemm kummerċjali għandu jinġabar fil-ħin ta’ filgħodu, sad-9:30 ta’ filgħodu jkun inġabar minn kullimkien. B’hekk ikollna l-Belt lesta biex tilqa’ lill-Maltin u l-Għawdxin, lir-residenti u lit-turisti, ma jistax ikun. Aħna għedna isma’ ma jistax ikun li naraw scammel tal-iskart għaddejja minn qalb it-turisti u l-Maltin waqt li qegħdin jieklu kultant b’riħa mhux pjaċevoli. Allura ħdimna mal-Gvern biex inbiddlu l-ħinijiet, l-aktar ħaġa importanti hi li kulħadd jikkopera .”
Fil-lokalità ta’ Ħal Safi ltqajna mas-Sindku Johann Mula li wkoll esprima kif qed issir kollaborazzjoni mar-reġjun li l-lokal jaqa’ taħtu.
Is-sindku ta’ Ħal Safi, Johann Mula qal, “Nista’ ngħid li mexjin tajjeb ħafna. In-nies draw jiskedaw, ukoll taqta’ ftit ’l hemm u ’l hawn li dejjem ikollok, li mbagħad nindirizzawhom bħala kunsill ovvjament fejn wieħed ikellimhom bil-kelma t-tajba. Nista’ ngħid li mexjin tajjeb ħafna anke fejn jidħol ġbir ta’ skart u anke mal-kuntrattur u anke bħala kuntatt mar-reġjun tagħna. Aħna naqgħu mar-Reġjun Punent u għandna kuntatt regolari ħalli fejn ikollok dawk l-affarjiet iż-żgħar li jonqsu u li wieħed ikun jista’ jindirizzahom.”
Fiż-Żurrieq, ukoll is-Sindku Rita Grima esprimiet sentiment simili.
Is-Sindku taż-Żurrieq Rita Grima qalet, “Jien, safejn naf jien, tidher li qed taħdem naqra mhux ħażin. Mal-kuntrattur nimxu tajjeb, dejjem issib lil dik il-persuna jew grupp ta’ nies li joħorġuhom qabel il-ħin jew ġurnata qabel. Meta nkunu nafu mil-liema ħarġet il-borża s-sewda, organic jew recycle aħna bħala kunsill nibgħatulhom dak il-leaflet u nibqgħu nsegwu li dik it-triq tibqa’ nadifa, imma naħseb li bħala Żurrieq mhux maħmuġ u jinġabar kif suppost.”
Trevor Fenech, Sindku ta’ San Ġwann, tenna li l-edukazzjoni trid tibqa’ u li hi l-kollaborazzjoni ta’ kulħadd li tikkontribwixxi għal ambjent nadif.
Is-sindku ta’ San Ġwann Trevor Fenech qal, “Aħna nħeġġu li kemm jista’ jkun in-nies jimxu ma’ din l-iskeda, nimxu mal-ħinijiet, nimxu mal-ġurnata, ħalli b’hekk bil-kollaborazzjoni ta’ kulħadd naslu fejn irridu naslu, jiġifieri aktar riċiklar u inqas borża sewda, biex aħna nkunu aktar favur inizjattivi ambjentali.”
L-iskeda, li tara l-boroż organiċi jinġabru nhar ta’ Tnejn, l-Erbgħa u l-Ġimgħa, il-borża s-sewda nhar ta’ Tlieta u s-Sibt, u l-griża jew ħadra tar-riċiklabbli kull nhar ta’ Ħamis, saret obbligatorja minn April li għadda.
Minn nofs ix-xahar id-dieħel, kif jgħaddu l-ewwel sitt xhur, se jibdew jinħarġu multi kemm lir-residenti kif ukoll lil negozji li ma joħorġux il-borża t-tajba fi żmienha. Wara l-ewwel twissija, resident jeħel €25 għall-ewwel kontravenzjoni u €50 jekk jirrepeti l-offiża. Fil-każ tan-negozji l-multa hi ta’ €75 u €150 għal offiża ripetuta.