Il-ġirien tagħna fl-Italja qegħdin jippreparaw għal aktar sfidi tal-ħajja matul l-istaġun li jmiss, wara li dan is-sajf kien diġà kkaratterizzat minn għoli tal-ħajja f’bosta oqsma tal-ħajja. Fil-fatt hu stmat li l-ispiża għal familja medja Taljana matul il-ħarifa se tisplodi b’elf u sitt mitt ewro iżjed fuq l-istess perjodu s-sena li għaddiet.
Analiżi ppubblikata mis-sit Taljan, Il Giornale.it, li kompla jitfa’ dawl fuq l-għoli tal-ħajja fil-pajjiż, fejn l-għajnuna wkoll hi xotta, waqt li l-Istat qed ikompli jisloħ lill-poplu u n-negozji b’rati ta’ taxxa qawwija.
Dan b’differenza għal pajjiżna, fejn mhux biss il-Gvern qed joħroġ l-akbar sussidji fl-istorja biex il-prezzijiet kollha tal-enerġija ma jiżdiedux, iżda wkoll qed ikompli jsaħħaħ il-benefiċċji u miżuri t’appoġġ.
Ix-xahar li għadda, l-għoli tal-ħajja fl-Italja wassal biex eluf kbar kellhom inaqqsu jew saħansitra jħassru l-vaganzi għall-festi popolari ta’ Ferragosto, fejn ħafna jivvjaġġaw anke bil-vetturi tagħhom fil-pajjiż stess.
L-artiklu ta’ Il Giornale jislet ukoll dak li qalet l-Assoċjazzjoni Nazzjonali tal-Utenti tas-Servizz Pubbliku fl-Italja, jiġifieri li fejn jidħlu l-ispejjeż ta’ familja medja b’rabta mal-ikel, il-fuel, l-elettriku, il-pagamenti tas-self fuq id-djar u l-iskola, tistma li se jintefqu mal-elf u sitt mitt ewro aktar fl-erba’ xhur li ġejjin meta mqabbel mal-istess perjodu s-sena li għaddiet.
L-inflazzjoni marbuta mal-ikel, kienet waħda b’saħħitha ferm hekk kif f’temp ta’ sena kienu suġġetti għal żieda medja ta’ aktar minn għaxra fil-mija madwar l-Italja kollha u f’ċerti bliet saħansitra żdiedu bi ħmistax fil-mija.
Il-prezz tal-fuel fl-Italja wkoll mistenni jibqa’ jgħollu rasu hekk kif familja qed tistma li se jkollha tonfoq mal-mitt ewro aktar fi fuel minn sena ilu. Dan għax il-medja tal-prezz tal-petrol f’sena telgħet minn ewro u tmienja u sittin ċenteżmu għal ewro u ħamsa u disgħin ċenteżmu fil-litru.
Il-prezzijiet tal-enerġija li ġew affettwati b’mod konsiderevoli minħabba l-Gwerra fl-Ukrajna ukoll mistennija li jibqgħu jogħlew. Analisti qegħdin ibassru żidiet bejn sebgħa u għaxra fil-mija, għall-aħħar kwart tas-sena.
L-ispejjeż marbutin mal-iskola wkoll qegħdin iħassbu bosta fl-Italja hekk kif is-sena skolastika fl-Italja se tibda fil-ġranet li ġejjin. Fil-fatt, meta wieħed iqabbel il-prezzijiet tal-istationery żdiedu b’disgħa fil-mija. B’mod tanġibbli dan ifisser li familja mistennija tonfoq mal-ħamsin ewro aktar għal dawn l-ispejjeż, minbarra żieda simili fejn jidħlu l-kotba tal-iskola għal kull student.
Dawk li għandhom loan għad-dar tagħhom, anke hawnhekk se jkunu qegħdin iħossu żidiet, b’mod speċjali dawk li għandhom rati varjabbli. Hawnhekk qed ikun stmat li għal-loan medju, fi tliet xhur l-utenti se jkollhom iħallsu mal-elf ewro aktar meta mqabbla ma’ sena ilu.
Fl-aħħarnett, anki biex familja tmur tiekol barra ukoll mistennija li tkun qed tonfoq mat-tletin ewro aktar f’ikla waħda minn kemm kienet tonfoq sena ilu.
Dawn l-iżviluppi qegħdin jagħmluha ħafna aktar diffiċli biex it-Taljani jkunu f’pożizzjoni finanzjarja li jfaddlu, filwaqt li huma bosta dawk li qegħdin iwissu għal dak li ġej fil-ġimgħat u x-xhur li ġejjin, b’mod speċjali lill-awtoritajiet finanzjarji fl-Italja biex jindirizzaw dawn il-pressjonijiet inflazzjonarji bla rażan.