It-tielet edizzjoni tal-EUNIC Malta Film Festival, din is-sena se tittella’ b’kollaborazzjoni mal-EuroPride Valletta 2023.
Ħdax-il membru u msieħba minn pajjiżi differenti, fi ħdan dan il-cluster, qed jieħdu sehem f’dan l-avveniment.
Dawn l-għaxar screenings, fuq il-medda ta’ ġimgħa, se jinżammu fuq it-tema ‘Ugwaljanza mill-Qalb’ u se jsiru fi Spazju Kreattiv fil-Belt Valletta.
EUNIC, li hu netwerk Ewropew tal-istituzzjonijiet kulturali u ambaxxati involuti f’relazzjonijiet kulturali, jagħti ħajja lill-kollaborazzjonijiet kulturali f’aktar minn 100 pajjiż madwar id-dinja kollha, b’netwerk ta’ 136 grupp.
Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici qal li l-festival ta’ din is-sena, permezz ta’ din il-kollaborazzjoni, se jġib flimkien l-arti u l-ugwaljanza.
“Numru ta’ films li qed jixxandru b’xejn, bla ħlas, kollha marbuta mat-tema, tal-ugwaljanza, li tant qed niċċelebraw flimkien, fil-EuroPride. Dan hu xogħol sabiħ li juri l-kollaborazzjoni u jibgħat messaġġ b’saħħtu favur li wieħed jirrispetta lill-ieħor b’mod sħiħ, hi xi ħaġa li kull persuna għandu jkollha u jiċċelebraha,” qal il-Ministru Bonnici.
Is-Segretarju Parlamentari għar-Riformi u l-Ugwaljanza Rebecca Buttigieg qalet li dan il-festival se jservi biex ikun hemm diskussjoni li tikkontesta l-preġudizzji waqt li jagħti vuċi lil komunità LGBTIQ+.
Hi tenniet li “qed inwasslu l-messaġġ ta’ ugwaljanza mill-qalb, permezz taċ-ċinema, fejn qed naraw, li numru ta’ ambaxxati minn madwar l-Ewropa, qed iwasslu dan il-messaġġ ta’ inklussività, diversità u mħabba, waqt li naraw li anke nnaqqsu mill-isterjotipi, li jkun hemm u li huma marbuta mal-komunità LGBTIQ+.”
Is-Segretarju Permanenti fil-Ministeru għall-Affarijiet Barranin, Christopher Cutajar, saħaq li d-diplomazija kulturali hi essenzjali għat-trawwim ta’ ftehim internazzjonali u għall-promozzjoni tal-ugwaljanza u d-drittijiet LGBTQ+.
F’isem il-Kunsill Malti għall-Arti u l-EUNIC Malta, Romina Delia, qalet li l-EUNIC Film Festival ta’ din is-sena jimmira li fiċ-ċinema ta’ Spazju Kreattiv, permezz ta’ kollaborazzjoni ma’ EUROPRIDE, jipprovdi pjattaforma għal dawk li huma f’minoranza.
Aktar informazzjoni tista’ tinkiseb fuq Arts Council Malta (gov.mt) u Spazju Kreattiv – Malta’s Centre for Creativity, Valletta (kreattivita.org).