Bosta laqgħu b’mod pożittiv l-istrateġija tal-Gvern attwali Laburista biex Ħondoq ir-Rummien f’Għawdex jibqa’ mhux mittiefes.
Il-ġimgħa li għaddiet, kif anke ħabbar fuq il-midja soċjali l-Prim Ministru Robert Abela, il-Kabinett approva dokument importanti u li se jkun qed jara bidla fil-Pjan Lokali biex jiġi żgurat li f’Ħondoq ma jsir l-ebda żvilupp.
Fost dawk li faħħru din id-deċiżjoni, kien hemm is-Sindku attwali tal-Qala Pawlu Buttigieg li nnota wkoll kif id-dokument se jkun miftuħ għall-konsultazzjoni pubblika.
Qal “Issa wara dawn is-snin kollha, meta fl-2006 inbidlet il-local plan minn wara dahar il-Kunsill Lokali tal-Qala, issa l-Prim Ministru żamm kelmtu meta kien qalli li meta toħroġ id-deċiżjoni tal-Qorti fuq Ħondoq, se jattwaha mal-ewwel, fil-fatt kien ċempilli ġurnata wara u ltqajna, fejn hemmhekk għamilna strateġija fejn se jimxi l-proċess tal-art ta’ Ħondoq biex inserrħu ras in-nies tal-Qala u l-poplu kollu.”
Fil-ġimgħat li għaddew, il-Prim Ministru kien irrimarka dwar l-implimentazzjoni ta’ miżura numru 319 fil-manifest ‘Malta Flimkien’ li Ħondoq jibqa’ ħieles minn kull żvilupp u l-Gvern beda b’ħidma biex tiġi ssiġillata ċertezza li Ħondoq ir-Rummien ma jiġix żviluppat.
Dan permezz ta’ bidliet fil-liġijiet tal-ippjanar biex il-Gvern ireġġa’ lura deċiżjoni li kien ħa Gvern Nazzjonalista fl-2006 li fil-bajja ta’ Ħondoq seta’ jsir żvilupp għal skop turistiku u marittimu.
Dan kien seħħ wara li ftit qabel, l-istess Gvern Nazzjonalista kien ta l-art ta’ Ħondoq lill-privat.
Id-dokument dwar Ħondoq ġie mniedi proprju id f’id mal-viżjoni li ħabbar il-Gvern għal Għawdex għall-għaxar snin li ġejjin, bl-isem ta’ ‘Gozo Regional Development Strategy’.
L-istrateġija se tara li Għawdex iżomm il-karatteristiċi tiegħu, anke bħala gżira tal-villaġġi.
Għal dawn l-aħħar sentejn l-Awtorità Reġjonali għall-Iżvilupp ta’ Għawdex, il-GRDA, li hi entità governattiva, kellha sehem importanti ferm f’din l-istrateġija.
Wara li nħareġ dokument dwar il-viżjoni ta’ Għawdex, l-awtorità skattat b’konsultazzjonijiet mal-imsieħba soċjali Għawdxin u anke ma’ entitajiet u għaqdiet oħrajn f’Malta u b’hekk issa setgħet tiġi imnedija u mħabbra din l-istrateġija.
Il-Kap Eżekuttiv tal-GRDA, Mario Borg, semma kif l-istrateġija mhux se tibqa’ biss fuq il-karta, iżda minnufih se jibdew jittieħdu azzjonijiet ħalli tiġi ppriservata l-identità Għawdxija.
Qal “Din hi strateġija importanti ħafna għal Għawdex, għax apparti li se tkun qed toffri viżjoni għall-għaxar snin li ġejjin, se jkunu qed jittieħdu azzjonijiet li jkunu jistgħu jittieħdu biex nilħqu dik il-viżjoni… Se tkun qed taħres lejn Għawdex b’mod ħolistiku, se tittratta kif għandhom jiġu żviluppati l-irħula, kif nippriserva l-identità Għawdxija, kif lil hinn mill-ekonomija jkun hemm titjib fil-kwalità tal-ħajja.”