Il-Prim Ministru Robert Abela inawgura l-ewwel pixxina fuq ġewwa ta’ daqs Olimpiku f’pajjiżna, biswit il-Kumpless Sportiv tal-Kottonera t-Tlieta filgħaxija, kif imwiegħed fil-manifest elettorali ‘Malta Flimkien’.
F’diskors tal-okkażjoni hu ddeskriva dan il-proġett bħala xhieda ta’ Gvern li jrid kontinwament jinvesti fil-ġid komuni. B’din hi r-raġuni għalxiex irid ikompli jinħoloq il-ġid, biex imbagħad ikunu jistgħu jsiru investimenti fi proġetti ta’ livell għoli bħal dawn, li se jkunu mifruxin mal-pajjiż kollu.
Din il-pixxina, li saret b’investiment ta’ €14-il miljun, se tkompli tagħti kontribut qawwi biex jintlaħaq l-aqwa livelli fl-isport.
Dr Abela tenna li l-fatt li dan l-investiment sportiv uniku qiegħed fin-Nofsinhar ta’ Malta, hu wkoll xhieda ta’ kif, f’Malta aktar ġusta, jintlaħaq il-pajjiż kollu.
Hu tenna li meta dan il-proġett jarawh it-tfal tagħna, jifhmu li mhux biss jistgħu jaspiraw daqs kull tifel u tifla minn pajjiż ieħor, imma li dik l-aspirazzjoni jistgħu jilħquha.
Dan rajnih fil-prattika fil-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar tal-Ewropa, li organizza f’pajjiżna fl-aħħar xhur, fejn dakinhar il-Prim Ministru qal li l-investiment li sar ma kienx limitat għal dakinhar biss u lanqas għall-bini biss, iżda ġew investiti miljuni oħrajn fl-iżvilupp tal-atleti nfushom, inkluż b’allokazzjoni ta’ €5 miljun mill-Fond Soċjali għall-Iżvilupp Nazzjonali (NDSF) għat-taħriġ u t-tħejjija tal-atleti.
![](https://cdn.one.com.mt/wp-content/uploads/2023/09/06061657/WhatsApp-Image-2023-09-05-at-19.32.06-1024x627.jpeg)
Il-pixxina l-ġdida hi mgħammra bl-aqwa teknoloġiji u tinkludi, fost oħrajn, numru ta’ dressing rooms għall-atleti u l-uffiċjali, uffiċini, kmamar tal-kontroll, stand għall-ispettaturi u kmamar għall-ħtiġijiet sanitarji. Is-saqaf tal-pixxina hu magħmul apposta biex jikkumplimenta s-swar u hu mifrux fuq travi tal-injam li għandhom tul ta’ 44 metru.
Id-daqs tal-pixxina ta’ 5,000 metru kwadru jissodisfa r-rekwiżiti mill-Federazzjoni Internazzjonali tal-Għawm u hi attrezzata b’impjant ta’ tisħin tal-ilma u arja kkundizzjonata. L-art tal-pixxina għandha wkoll funzjoni li parti mill-art tagħha titla’ u tinżel biex il-kowċis tal-għawm ikunu jistgħu jagħtu l-lezzjonijiet tagħhom fl-ilma stess f’fond differenti skont il-bżonn.
Il-Prim Ministru kien akkumpanjat minn martu, Dr Lydia Abela, il-President ta’ Special Olympics Malta.
Fl-inawgurazzjoni tkellmu wkoll il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, Clifton Grima, u l-Kap Eżekuttiv ta’ SportMalta, Mark Cutajar.
Tkellem ukoll iż-żagħżugħ Jayden Cassar, plejer tat-tim nazzjonali tal-waterpolo ta’ taħt is-sbatax-il sena, li qal li l-atleti Maltin iħossuhom fortunati li issa għandhom pixxina li hi fost l-aqwa fil-Mediterran.