L-Uffiċċju tal-Prim Ministru qal li, bil-maqlub ta’ dikjarazzjoni mill-Partit Nazzjonalista, kien diġà kkummenta u wieġeb b’mod kategoriku l-mistoqsijiet tal-ġurnalist qabel ħareġ ir-rapport fit-Times dwar allegati abbuż minn fondi pubbliċi.
Bi tweġiba għal stqarrija mill-Partit Nazzjonalista li, skontu, l-Prim Ministru ma lissinx kelma dwar l-istess storja fil-midja, l-Uffiċċju tal-Prim Ministru qal li l-Oppożizzjoni lanqas hi kapaċi tirrikonoxxi l-fatti u għandha tieqaf tibbaża fuq stqarrijiet li taf li mhumiex minnhom.
Il-Partit Nazzjonalista, li fi kważi xahar sħiħ baqa’ ma lissinx kelma dwar l-inċident fil-Każin tiegħu fil-Ħamrun fejn persuna ndarbet serjament, waqt li Bernard Grech ma tħalliex jirfes l-għatba, fl-istqarrija tiegħu ironikament staqsa kif wara 48 siegħa li ħarġet l-aħbar fit-Times, Robert Abela ma deher imkien.
Minkejja dan, l-Uffiċċju tal-Prim Ministru kien ċar kristall li meta kien hemm allegat każ ta’ abbużi simili, kien saħansitra l-istess uffiċċju li rrapporta minnufih lill-Pulizija, u jirriżulta li din bdiet bl-investigazzjonijiet tagħha.
Fil-fatt, l-Uffiċċju tal-Prim Ministru, qal li, għall-korrettezza, kien qed jippubblika tweġiba li ngħatat lill-ġurnalist li tgħid kif is-Segretarju Permanenti mid-Diviżjoni People & Standards irrapporta lill-Pulizija.
“It is imperative to note that a similar irregularity was reported to the Executive Police by the Permanent Secretary in charge of the People & Standards Division within the OPM, immediately when a suspicious case was brought to its attention. Further Police investigations ensued. It does not result that any employee at the customer care division ever suggested any ‘claimant’ or medical practitioner to commit any irregularity, nor that any such employee was aware of these alleged irregularities.”
L-Uffiċċju tal-Prim Ministru temm jgħid li “jekk trid tibda tkun kredibbli, l-Oppożizzjoni għandha tal-inqas tirrikonoxxi l-fatti meta titkellem u tieqaf tibbaża stqarrijiet fuq dak li taf li mhux minnu.”