Il-kumpanija Lottoland għadha kif ħabbret li qed tniedi scratch card għall-karità biex jinġabru fondi għall-fondazzjoni The Malta Community Chest Fund.
Din il-logħba ġdida, li tista’ tinxtara onlajn minn fuq il-website tal-kumpanija, tiswa €1, filwaqt li dawk li jipparteċipaw ikunu qed jidħlu fiċ-ċans li jirbħu sa €50,000. Fuq inizjattiva tal-kumpanija 20% tad-dħul se jkunu qed imorru direttament għand il-Community Chest Fund.
Fit-tnedija ta’ din l-inizjattiva ġdida, is-CEO ta’ Lottoland, Nigel Birrell, tkellem dwar l-importanza li azjendi u kumpaniji li joperaw lokalment jagħtu xi ħaġa lura lis-soċjetà. Spjega wkoll li din hi biss inizjattiva waħda minn diversi li jixtiequ jaħdmu fuqhom biex jgħinu lill-komunità, filwaqt li l-konsumatur ikun qed jittanta xortih biċ-ċans li jirbaħ somma mill-isbaħ.
Fl-istess waqt, l-ambaxxatriċi ta’ Lottoland f’Malta, Ira Losco, qalet kif l-MCCF dejjem kienet għal qalbha u tittama li aktar kumpaniji jimxu fuq l-eżempju ta’ Lottoland u joħorġu b’ideat innovattivi li jgħinu kawżi ġusti.