Il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Aaron Farrugia ħabbar fuq il-midja soċjali li bdiet tiġi implimentata l-miżura żvelata minn ONE News ftit tal-ġimgħat ilu, dik li jitwaħħlu billboards fit-toroq bit-tagħrif kollu dwar xogħlijiet infratsrutturali li jkun qed isir fihom.
Dan jinkludi l-awtorità jew entità tal-Gvern li tkun qed twettaq ix-xogħol, ir-raġunijiet għalxiex ikun qed isir, il-kuntrattur responsabbli, id-data meta jkun se jitlesta u fejn wieħed jista’ jikseb aktar tagħrif.
Il-billboards qed jittellgħu fit-toroq rispettivi, irrispettivament jekk hux xogħol ta’ Infrastructure Malta, il-Korporazzjoni tal-Ilma, l-Enemalta, xogħol pubbliku, servizzi ta’ telekomunikazzjoni u kunsilli lokali.
Permezz ta’ dawn il-billboards, iċ-ċittadin se jkun mgħarraf aħjar b’dak li jkun għaddej, waqt li dawk responsabbli għax-xogħlijiet jinżammu kontabbli.