Vjetnamiża ta’ 26 sena ingħatat sentenza ta’ priġunerija għal sitt xhur, wara li ammetiet li użat passaport ta’ xi ħaddieħor.
Nguyen Thi Hanh, li ġiet f’pajjiżna biex tistudja fl-MCAST, wara li ħalliet lit-tarbija tagħha ta’ ġimagħtejn lura f’pajjiżha, dehret fil-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Claire Stafrace Zammit.
Hija kienet fost grupp akbar ta’ nies li ġew arrestati fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta.
Hija wieġbet ħatja għall-akkużi miġjuba kontriha.
Il-Prosekuzzjoni ddeskriviet dan il-każ, bħala xi ħaġa li qed issir komuni.
Id-difiża appellat għal sentenza sospiża u deportazzjoni, hekk kif l-imputata għandha tarbija.
Iżda l-Prosekuzzjoni qalet li xi persuni mill-Vjetnam saħansitra qed iħallsu €18,500 sabiex jiksbu visa tal-istudenti biex jiġu f’Malta, minkejja li ma ġewx verament biex jistudjaw.
L-imputata kellha l-intenzjoni li tivjaġġa lejn Budapest, filwaqt li ikkonfermat li t-tarbija qed tieħu ħsiebha ommha.
Hija ntbagħtet sitt xhur ħabs, filwaqt li d-Difiża irrimarkat il-possibilita ta’ appell.