Title Portal: Huwa kien f’Paceville ma’ ibnu.
Raġel ta’ 48 sena mill-Gżira, Agruppino Felice, ammetta li aggredixxa tliet uffiċjali tal-Pulizija, kif ukoll li darab wieħed minnhom ħafif.
Huwa ġie mixli wkoll li insulentahom, li heddidhom, li kiser il-paċi pubblika, li kien fis-sakra, li ma kienx kapaċi jieħu ħsieb lilu nnifsu f’post pubbliku, u li m’obdiex l-ordnijiet tal-Pulizija.
Dan seħħ wara li r-raġel mar Paceville ma’ ibnu, fejn ibnu ġie avviċinat mill-Pulizija. Ir-raġel, ġie ordnat ipoġġi, u ibnu qallu sabiex jitlaq mill-bar.
Fit-triq, ir-raġel ta daqqa ta’ ras lill-Pulizija, filwaqt li beżqilhom.
Hu u dieħel fil-karozza, hu tahom ukoll daqqa ta’ sieq.
Dan l-inċident inqabad ukoll fuq il-body cams tal-Pulizija.
Id-difiża qalet li r-raġel kien għaddej minn żmien diffiċli, hekk kif martu hija marida.
Il-Qorti tat is-sentenza ta’ 18-il xahar ħabs, sospiżi għal sentejn, kif ukoll multa ta’ €4,000.
Il-Qorti ordnatlu wkoll sabiex ma jersaqx lejn dawn l-uffiċjali.
Jekk dan ma jobdix din il-kundizzjoni, hu jista’ jeħel sa €7,000 multa, u, jew sentejn priġunerija.