Fil-Kalkara, ġie inawgurat spazju aħdar bl-isem ta’ “Ġnejnet iċ-Ċkejken Ziam”, f’Wesgħet is-Salib tal-Assedju.
Dan l-ispazju ta’ rikreazzjoni, f’żona residenzjali, qed jikkommemora l-memorja taċ-ċkejken Ziam, li kien mill-Kalkara, u li ħalla din id-dinja fl-età ta’ tliet snin.
Il-vjaġġ kiefer ta’ Ziam, beda fl-età tenera ta’ erba’ xhur.
Tul ħajtu ċ-ċkejken siefer għall-kura l-Ingilterra biex jingħata trattament għall-kundizzjoni li twieled biha magħrufa bħala Griscelli Syndrome.
Dan il-ġnien ġie inawgurat mis-Sindku tal-Kalkara Wayne Aquilina, flimkien mal-Kap Eżekuttiv ta’ Project Green, Steve Ellul.
Il-ħolqien ta’ dan il-proġett kien appoġġjat finanzjarjament minn Project Green, kif ukoll l-Iskema għall-Iżvilupp u t-Titjib fil-kundizzjonijiet tal-Bandli f’Lokalitajiet bejn Malta u Għawdex mid-Direttorat għall-Gvern Lokali.
Din l-inizjattiva ta’ €145,000 kienet tinkludi r-rivitalizzazzjoni ta’ 335 metru kwadru ta’ spazju pubbliku, bl-installazzjoni ta’ tagħmir tal-logħob, ‘landscaping’ bis-siġar u arbuxelli, bankijiet u għamara oħra ta’ barra.
Dan il-bandli jinkludi wkoll kameras tas-sigurtà kif ukoll ċnut tal-injam għas-sigurtà u s-sigurtà pubblika, u sar bl-appoġġ tal-Ministeru għall-Ambjent, Enerġija u Intrapriża, u s-Segretarjat Parlamentari għall-Gvern Lokali.
Is-Sindku tal-Kalkara, qal kif minn żona bla użu, dan il-post issa se jitgawda mir-residenti u dawk tal-madwar.
Qal, “Dan il-proġett, sar fuq proposta li jien għaddejt lill-Kunsill Lokali tal-Kalkara biex b’fondi addizzjonali nbiddlu din iż-żona, minn post li kienet bla użu, kien post abbandunat, għal żona rikreattiva, għall-użu tal-komunità. Ġnejnet iċ-ċkejken Ziam, għandha tibqa’ memorja għat-tfajjel Ziam, li sfortunatament ħalliena fl-2018, u allura hawnhekk, għall-ewwel darba f’dawn l-inħawi, għandna bandli u żona rikreattiva għall-użu ta’ kulħadd.”
Dwar dan tkellem ukoll il-Kap Eżekuttiv ta’ Project Green, Steve Ellul.
Qal, “Kuntent ħafna li bħala Project Green, tajna l-appoġġ kollu neċessarju, sabiex jitwettaq dan il-proġett sabiħ, proprju fil-qalba tal-Kalkara. Kienet parti mir-responsabilità korporattiva u soċjali, li dan l-ispazju li kien mitluq, illum jingħata l-ħajja mill-ġdid. Spazju ta’ kwalità, proprju fejn jgħixu n-nies.”