L-industrija tal-avjazzjoni, b’mod partikolari l-qasam tal-manutenzjoni u tat-tiswija tal-ajruplani, magħruf bħala MRO, qiegħda kull ma tmur tikber b’mod b’saħħtu f’pajjiżna. Dan grazzi għal investimenti kontinwi fl-industrija nnifisha minn barra u taħriġ speċjalizzat lokali biex dan jissarraf f’xogħlijiet ta’ kwalità fil-pajjiż.
Anke b’investiment massiċċ ta’ €11.5 miljun fl-Ajruport biex twessgħet parti għal iżjed effiċjenza u tagħmilha possibbli li jiddaħħlu ajruplani ta’ ċertu daqs, ħaddiema fl-industrija, inklużi ħafna Maltin, qed ikunu jistgħu jieħdu esperjenza fuq tipi differenti ta’ ajruplani, waqt li jkabbru l-għarfien tekniku tagħhom. Dan f’industrija lokali li kull ma jmur qed tieħu fama internazzjonali.
ONE News żar waħda mill-kumpaniji ewlenin tal-MRO, il-Lufthansa Technik Malta, biex jifhem aħjar il-ħidma f’dan is-settur li jimpjega mal-5,000 ħaddiem u jikkontribwixxi mas-€60 miljun fis-sena lill-ekonomija Maltija. Mal-400 impjegat tal-Lufthansa Technik Malta, li jagħmlu 85% tal-workforce kollha tagħha f’pajjiżna, huma Maltin.
Tkellimna ma’ Shaun Psaila, Tekniku ta’ l-ajruplani, li qasam magħna l-esperjenza tiegħu dwar kif din kienet xewqa tiegħu sa minn età żgħira li spiċċat saret realtà.
“Bdiet minn mindu attendejt l-ewwel airshow tiegħi fl-2007, kelli biss disa’ snin u bqajt iffissat… Studjajt għal CAT B1 Aircraft Maintenance fl-MCAST u kien jinvolvi apprentistat ta’ sentejn fejn fih kont qed nitgħallem l-iskola t-teorija u fl-istess ħin ħdimt hawn hands on fuq l-ajruplani.”
Hu kompla jispjegalna kif l-opportunitajiet għal dan ix-xogħol huma bla tarf. Fil-fatt bosta kollegi ta’ Shaun illum jinsabu fuq taħriġ lil hinn minn xtutna biex ikomplu jkabbru l-għarfien u anke jispeċjalizzaw fis-settur.
“Permezz ta’ investiment kontinwu f’din l-industrija tant li qed tikber, kumpaniji bħal-Lufthansa Technik Malta huma dejjem lesti li jinvestu flus u riżorsi fil-ħaddiema tagħha u dejjem hemm fejn tikber u teskala fil-karriera tiegħek.”
Finalment, hu apella għal dawk kollha li għandhom ħiliet fil-mekkanika, iżda wkoll lil dawk li jixtiequ jdawru l-passjoni li għandhom għall-ajruplani, biex inibbtuha f’karriera fil-manutenzjoni u tiswija tal-ajruplani, karriera li ssarraf f’opportunitajiet bla limitu.
“Nissuġġerih is-settur tal-avjazzjoni li qiegħed dejjem jikber u l-opportunitajiet huma vasti, b’hekk għandek xogħol sigur u bażi ta’ dħul sod.”
Wieħed jista’ jikseb aktar tagħrif permezz tal-kampanja ‘Choose Aviation’, li qed titmexxa bejn il-Malta Enterprise u l-MCAST, waqt li wieħed jista’ wkoll jirreġistra fuq mcast.edu.mt għal korsijiet speċifiċi li se joħolqu iżjed tekniċi tal-ajruplani.