Diversi presepisti Maltin qed jikkonkludu x-xogħol tagħhom fuq presepji li se jkunu qed jikkompetu biex numru minnhom jiġu esebiti b’mod permanenti fl-Istati Uniti.
Din l-inizjattiva ilha tittella’ mill-2020 meta l-Museum of the Bible f’Washington beda jikkomunika mad-Direttorat tal-Kultura fi ħdan il-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali u l-Arti. Dik is-sena kienu telgħu għaxar presepji li minħabba l-pandemija nġiebu lura s-sena l-oħra.
B’hekk din mhix l-ewwel darba li t-talent lokali se jiġi esebit f’dan il-mużew. Madanakollu, din is-sena b’differenza għas-snin preċedenti l-presepji Maltin se jinxtraw minn dan il-mużew biex jiġu esebiti b’mod permanenti, bil-qliegħ kollu jmur għand il-presepist li tiegħu ikun intagħżel il-presepju.
Crew ta’ dan l-istazzjon, żar il-post fejn il-presipisti kienu qegħdin jagħmlu l-aħħar irtokki fuq il-presepji rispettivi tagħhom qabel bord ta’ aġġudikazzjoni jagħżel dawk li se jitilgħu biex ipaxxu l-għajnejn fl-Istati Uniti.
Tkellimna ma’ kordinatur tad-Direttorat tal-Kultura, Emanuel Vella li magħna rrakkonta laqgħa li kellu mal-Kap Eżekuttiv tal-mużew Amerikan, li wera x-xewqa biex il-presepji esebiti jkunu fuq stil tradizzjonali Malti.
Qal, “Illi jiena kelli laqgħa erġajt f’Diċembru u ġie jara l-presepju il-Kap Eżekuttiv tal-Museum of The Bible. Hemmhekk ra l-presepju Malti u din id-darba għamilli enfasi illi jrid presepju Malti, presepju tradizzjonali Malti kif nafuh aħna.”
Kompla jispjega kif minħabba l-ġarr tal-presepji, dawn kellhom limitu fuq id-daqs, li ma setax jaqbeż il-mija u sittin ċentimetru, b’fond simili iżda l-presepju imbagħad ikollu jinqasam biex jinġarr.
Huwa nnota wkoll il-konkorrenza b’saħħitha tal-presepisti u l-istatwarji Maltin li wieġbu għal din is-sejħa li ħarġet f’Jannar li għadda.
Qal, “Fil-bidu kien hemm kwantità kellna mat-tmienja u għoxrin parteċipant iġifieri imma imbagħad bdew jaqgħu naqra naqra, min kellu l-festa, u spiċċajna b’dan il-presepji li qegħdin naraw illum.”
Intant, il-kollaborazzjoni bejn dan il-mużew u pajjiżna kompliet hekk kif l-istess mużew tella’ dokumentarju dwar il-presepju Malti li se jixxandar għall-ewwel darba fix-xhur li ġejjin fl-Istati Uniti bil-għan li jkompli jitfa’ dawl fuq it-tradizzjoni tal-presepju Malti.
Qal, “Min-naħa tal-Museum of The Bible hemmhekk qabbdu kumpanija tal-filming hemmhekk u għamilna filmat ta’ kważi siegħa, siegħa u nofs rigward, ‘The Maltese Nativity Crib’. Ġew Malta għamilna ġimgħa niffilmjaw l-istorja tal-presepju jiġifieri litteralment morna għal żmien Dun Ġorġ sal-presepji li qegħdin jiġu esebiti hemmhekk.”