Għall-ewwel darba, Ċensiment f’pajjiżna, li jsir prattikament kull għaxar snin, sab li l-appartamenti u l-penthouses illum saru l-aktar komodità li fiha jgħarrxu l-Maltin u l-Għawdxin, tant li l-ammont tagħhom qabeż dak tad-djar tradizzjonali u l-maisonettes għall-ewwel darba.
Fil-fatt l-appartamenti u l-penthouses saru jgħoddu għal kważi nofs ir-residenzi f’pajjiżna, hekk kif b’kollox jammontaw għal iżjed minn 156,573.
Wara jsegwu d-djar tradizzjonali li jlaħħqu għal kważi 67,939, waqt li l-maisonettes jgħoddu għal kważi 58,990.
F’dan iċ-Ċensiment ħareġ li kważi 88% tal-maisonettes f’pajjiżna huma residenzi primarji, waqt li kważi terz tal-appartamenti u l-penthouses huma residenzi sekondarji, li jintużaw bħala villeġġjaturi jew huma vakanti.
Dan filwaqt li huma kważi 28% tad-djar tradizzjonali li jintużaw bħala villeġġjaturi jew huma vakanti.
Ħareġ ukoll li seba’ lokalitajiet f’pajjiżna għandhom iżjed minn tliet kwarti tar-residenzi li huma appartamenti u penthouses. L-aktar lokalitajiet li għandhom dawn it-tip ta’ akkomodazzjonijiet huma San Pawl il-Baħar, li għandu l-akbar numru ta’ residenzi f’Malta, segwiet minn Ta’ Xbiex u San Ġiljan.
Dan filwaqt li l-iżjed lokalitajiet fejn hemm l-aktar djar tradizzjonali huma Ta’ Kerċem, l-Imdina u l-Fontana.
Minn iżjed informazzjoni li ħarġet fiċ-Ċensiment, jirriżulta li r-residenzi madwar pajjiżna huma fil-maġġoranza assoluta tagħhom fi stat tajjeb.
Kważi tliet kwarti tar-residenzi primarji huma kklassifikati li jinsabu fi stat tajjeb, waqt li ftit iżjed minn 14% tar-residenzi għandhom bżonn tiswijiet żgħar.