F’messaġġ f’laqgħa tal-attivisti tal-Partit Laburista, il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista, Robert Abela emfasizza li kull min jirrappreżenta lill-Partit Laburista għandu jibqa’ l-ħin kollu viċin in-nies.
Dan għax il-politika trid tkun waħda li ssir man-nies u tinbena fuq l-aspirazzjonijiet tagħhom, kif wara kollox kien mibni l-manifest elettorali tal-Partit Laburista, li huwa pjan li qed jitwettaq u jfassal ukoll it-triq għaż-żmien li ġej.
Il-Prim Ministru kien qed jitkellem f’waħda minn sensiela ta’ laqgħat mal-attivisti li tant jaħdmu għall-Partit Laburista fl-ibliet u l-irħula madwar il-pajjiż fiċ-ċentru nazzjonali laburista.
Membri ta’ kumitati lokali u ta’ kunsilli lokali jwaslu l-ilħna taċ-ċittadini, bil-Prim Ministru jemfasizza kemm hu importanti l-irwol tagħhom biex il-Partit Laburista jibqa’ jifhem il-ħtiġijiet tan-nies.
Ħtiġijiet tan-nies li l-Prim Ministru jismagħhom direttament hu, fosthom bi żjarat kontinwi fil-komunità.
Għal dan il-għan is-Sibt filgħodu l-Prim Ministru żar il-komunità ta’ Ħal Qormi fejn fis-suq li jarma ta’ kull ġimgħa, iltaqa’ mal-bejjiegħa u r-residenti Qriema u li tkellem u ddiskuta magħhom.