32 immigrant, minn diversi pajjiżi differenti, ġew rilokati f’pajjiżi oħra, wara li waslu b’mod irregolari f’Malta.
Dan bħala parti minn strateġija li tiffoka fuq il-prevenzjoni, ir-ritorn u r-rilokazzjoni, hekk kif s’issa, din is-sena, se jkunu ġew rilokati 104 immigrant irregolari lejn pajjiżi fl-Unjoni Ewropea.
Dan filwaqt li dawk li tiġi miċħuda t-talba għall-protezzjoni internazzjonali tagħhom qed jintbagħtu lura lejn il-pajjiż tal-oriġini.
Ir-rilokazzjoni hija parit mill-Mekkaniżmu ta’ Solidarjetà Volontarja, maħsub bl-għan li jnaqqas il-piż tal-immigrazzjoni irregolari minn fuq pajjiżi tal-fruntiera.
Il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza Byron Camilleri fakkar li r-rilokazzjoni hija l-iktar mezz effettiv ta’ kif jista’ jitnaqqas il-piż tal-immigrazzjoni irregolari minn fuq il-pajjiżi tal-fruntiera, speċjalment fil-każ ta’ Malta, minħabba d-daqs u l-pożizzjoni tagħha.
Huwa żied jgħid li permezz ta’ din l-istrateġija, din is-sena pajjiżna rnexxielu jnaqqas il-wasliet u jirriloka l-istess ammont ta’ immigranti daqs kemm waslu mill-bidu tas-sena.
Il-Ministru Camilleri żied jgħid li l-gvern huwa kommess li jkompli jaħdem fuq prevenzjoni, anke b’kollaborazzjoni ma’ pajjiżi bħal-Libja. Dan sabiex titnaqqas il-possibilità tal-imwiet, kif ukoll in-numru ta’ wasliet irregolari.
Żied jgħid li din il-ħidma qed tiġi riflessa fiċ-ċifri ta’ dawn l-aħħar sentejn fejn in-numri ta’ immigranti irregolari li ġew ritornati lejn pajjiżhom żdied filwaqt li n-numru ta’ wasliet naqas.
It-tħejjijiet għar-rilokazzjoni involvew l-assistenza ta’ bosta entitajiet fl-oqsma tas-sigurtà, kif ukoll l-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Immigrazzjoni u l- Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ażil.
Ir-rilokazzjoni hija ko-finanzjata mill-Unjoni Ewropea, fosthom taħt il-Fond għall-Ażil, Migrazzjoni, u Integrazzjoni.