Għawdex se jkun qed jara aktar investiment fil-qasam tas-saħħa, hekk kif din il-ġimgħa nħareġ tender pubbliku għal magna ġdida li tagħmel it-testijiet tal-MRIs.
F’kumment ma’ ONE News, id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa, Chris Fearne, spjega kif kull sena n-numru ta’ MRIs dejjem qed jiżdiedu tant li fl-aħħar għaxar snin dawn żdiedu b’erba’ darbiet.
Qal “In-numru ta’ MRIs dejjem qed jiżdiedu fejn l-10,000 MRI li konna nagħmlu fl-2013, bħalissa qed nagħmlu madwar 40,000 fis-sena. Parti essenzjali minnhom huma residenti f’Għawdex, li jkollhom jinżlu Malta. Madwar 3,000 Għawdxi fis-sena jkollu jagħmel MRI f’Malta u għalhekk jagħmel sens li l-pajjiż ikollu bżonn magna oħra tal-MRI u din se tkun f’Għawdex.”
Mr Fearne spjega kif din il-ġimgħa nħareġ it-tender għall-MRI, li se tkun fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex, fejn il-Gvern qed jara li sas-sena d-dieħla din tibda titħaddem u tiffaċilita l-ħajja tal-Għawdxin.
Qal “Filfatt din il-ġimgħa nħareġ tender għal MRI f’Għawdex mhux biss għall-magna, iżda anke biex isiru x-xogħlijiet infrastrutturali ħalli din il-magna tkun tista’ titħaddem għall-pazjenti Għawdxin. Qed nistennew li l-kuntratt jiġi aġġudikat u jingħata din is-sena stess u x-xogħol isir is-sena li ġejja biex imbagħad mis-sena li ġejja stess il-pazjenti jistgħu jagħmlu l-MRI f’Għawdex stess.”
Spjega kif din hi inizjattiva waħda minn għadd ta’ investimenti li se jkunu qed isiru fis-settur tas-saħħa mmirati biex ikomplu jsaħħu l-qasam tas-saħħa fil-gżira Għawdxija.
Qal “Din hi ħolqa waħda minn kullana ta’ inizjattivi li qed nieħdu f’Għawdex. Filfatt matul ix-xhur tal-ħarifa, sal-aħħar tas-sena, se nkunu ftaħna ċentru komunitarju fil-Qala kif ukoll poliklinika fiċ-Ċentru tas-Saħħa f’San Franġisk fir-Rabat f’Għawdex ukoll.”