Il-Partit Nazzjonalista m’għandux idea tax-xogħol siewi li l-kumpanija tal-Gvern Kordin Grain Terminal qed tagħmel għall-ħtiġijiet ta’ pajjiżna.
Dan kien il-messaġġ ta’ stqarrija maħruġa mill-Ministeru għall-Ekonomija, il-Fondi Ewropej u l-Artijiet b’reazzjoni għall-stqarrija tal-Partit Nazzjonalista li nqabdet ma tafx il-fatti dwar il-crane tas-silo tal-qamħ f’Kordin.
Il-Partit Nazzjonalista attakka lill-kumpanija permezz ta’ stqarrija ffirmata mid-deputat Nazzjonalista Ivan Castillo, li qalet l-Gvern rema l-flus meta bidel il-crane għal wieħed iżgħar u li jaħdem b’mod aktar effiċjenti minn dak ta’ qablu.
Fil-fatt, il-Ministeru qal li ma kinitx tagħmel sens li jkollok crane li kapaċi jħott 1,100 tunnellata fis-siegħa meta l-vapuri tal-qamħ kapaċi jħottu b’medja ta’ 3,000 tunnellata fis-siegħa.
“Il-kumpanija għamlet eżerċizzju flimkien mal-manifatturi tal-cranes biex jinstab l-iktar crane ideali għalliskopijiet tagħha. Billi l-crane huwa ta’ 600 tunnellata fis-siegħa ma jfissirx li ma jinħattux vapuri kbar bħal, per eżempju, vapur ta’ 60,000 tunellata (Panemax). Minħabba l-fatt li Kordin Grain Terminal tħott iktar vapuri żgħar milli kbar, għaliex għall-importazzjoni ta’ Malta jirrikjedi li jkunu vapuri żgħar, il-crane il-ġdid ser jopera b’iktar mod effiċjenti fiċ-ċirkostanzi” stqarr l-istess Ministeru.
Hawnhekk il-Ministeru kkonferma dak li ntqal mill-Ministru Schembri f’Ġunju 2022 li kien minnu filwaqt li l-operazzjonijiet li saru fuq żewġ vapuri li nħattu kienu bla xkiel.
L-istess stqarrija nnutat kif fil-preżent għadu għaddej ix-xogħol b’rabta mal-installazzjoni finali, bl-inġiniera tal-manifatturi tal-crane jinsabu għaddejjin bl-aħħar preparamenti biex dan il-crane jopera kif suppost. Bħalissa qegħdin jinħattu numru ta’ vapuri bi prova biex intoppi li jistgħu jinqalgħu waqt il-commissioning period jiġu ndirizzati mill-aktar fis.
Il-Ministeru nnota d-dispjaċir tiegħu lejn l-atteġġjament tal-Oppożizzjoni Nazzjonalista li għażlet li tattakka l-kumpanija li wriet fost l-oħrajn kemm hi essenzjali fi żmien il-pandemija, permezz ta’ stqarrija fqira.
“Għall-kuntrarju tal-Oppożizzjoni, il-Ministru Schembri jirringrazzja lill-ħaddiema kollha involuti taddedikazzjoni u l-ħidma tagħhom f’dan l-operat.” – temm jgħid il-Ministeru.