Is-sbuħija ta’ Malta bħala attrazzjoni turistika ewlenija hi s-suġġett ta’ wieħed mill-aktar programmi segwiti fuq it-televiżjoni Pollakka.
Maqsum fuq għaxar episodji lkoll iddedikata għall-gżejjer tagħna, il-programm, li qed jintwera fuq l-istazzjon Eska TV b’kollaborazzjoni mal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, l-MTA, għandu madwar seba’ miljun segwaċi.
L-episodji jitfgħu lenti fuq is-sbuħija naturali tal-pajsaġġi Maltin u l-kultura rikka li wieħed isib meta jżur pajjiżna, waqt li l-programm jdur diversi lokalitajiet u avvenimenti lokali.
Il-programm, li jsegwi l-passi taċ-ċelebrità Pollakka, Ola Ciupa, tħuf f’pajjiżna, inġibed aktar kmieni din is-sena u qed jintwera għall-ewwel darba bħalissa.
Biex takkumpanja din is-sensiela, l-awtorità Maltija qed tagħmel ukoll kampanja promozzjonali fuq il-midja soċjali Pollakka li tilħaq mal-1.6 miljun ċittadin fil-pajjiż.
Il-Kap Eżekuttiv tal-MTA Carlo Micallef qal li t-turisti Pollaki li jżuru pajjiżna qed jiżdiedu b’mod sinifikanti tant li ġiet irreġistrata qabża ta’ 55% fl-ewwel sitt xhur ta’ din is-sena mqabbel mal-2019.