Il-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali ċaħad b’mod kategoriku u assolut li ma sarux konsultazzjonijiet qabel il-ħruġ tar-Regolamenti li waqqfu ċ-Ċentru tal-Ilsien Malti u dwar l-għażla ta’ Norma Saliba biex tmexxi ċ-ċentru.
Fil-fatt il-President tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti, Olvin Vella stess kien ikkonsultat dwar il-ħatra ta’ Norma Saliba.
Dan intqal fi stqarrija maħruġa mill-istess Ministeru b’referenza għall-istqarrija li ħarġet aktar kmieni llum mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti.
Il-Ministeru qal li, il-konsultazzjonijiet saru direttament bejn is-Segretarju Permanenti tal-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Joyce Dimech u l-President tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti Dr Olvin Vella.
Dawn il-konsultazzjonijiet segwew laqgħa li kienet saret bejn il- Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici u Olvin Vella stess nhar it-Tlieta 20 ta’ Ġunju 2023, fejn ġiet diskuss il-ħtieġa ta’ capacity building sabiex isir xogħol meħtieġ immens favur il-ħarsien u t-tmexxija ’l quddiem tal-Ilsien Malti. Sal-lum hemm biss persuna waħda impjegata mal-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti, żied jgħid il-Ministeru.
Nhar it-8 ta’ Awwissu 2023, jiġifieri tlett ijiem sħaħ qabel ma ġew ippubblikati r-Regolamenti li jwaqqfu ċ-Ċentru tal-Ilsien Malti, l-istess abbozz ta’ Regolamenti ġie mgħoddi lil Vella.
Il-Ministeru fakkar li, f’ebda stadju u f’ebda mod ma Vella talab li dan l-Avviż Legali jiġi studjat iktar, jew li ma jiġix ippubblikat jew li jsiru xi laqgħat ulterjuri. Ukoll l-għada 9 ta’ Awwissu l-Uffiċjal tal-Kommunikazzjoni tal-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u lGvern Lokali għaddiet lil Dr Olvin Vella abbozz ta’ stqarrija u li llum qiegħda fid-dominju pubbliku, li biha kien se jitħabbar, fil-11 ta’ Awwissu ta’ wara, kemm it-twaqqif taċ-Ċentru tal-Malti u kemm isem is-Sinjura Norma Saliba bħala Kap Eżekuttiv. Għall-mistoqsija li saret mill-Uffiċjal tal-Kommunikazzjoni tal-Ministeru jekk setgħetx tmexxi bil-pubblikazzjoni tal-istqarrija, Dr Vella wieġeb fl-affermattiv. Bejn id-9 t’Awwissu u l-11 t’Awwissu dakinhar li ġew ippublikati ir-Regolamenti u l-istqarrija, il-Ministeru ma rċieva ebda komunikazzjoni mingħand Vella sabiex isiru xi taħditiet jew laqgħat oħra.
Il-Ministeru irrefera wkoll għal kummenti li dehru f’ġurnal lokali (Times of Malta) nhar l-14 ta’ Awwissu 2023, fejn Dr Olvin Vella ġie kkwotat li qal is-segwenti: “I did not know about the new centre. I did not know about the new legal notice.” Dan mhuwiex veru. Il-fatti kif spjegati aktar ’il fuq huma kompletament loppost. Il-Ministeru però jaqbel mal-kontenut tal-bqija tal-kummenti tal-istess Dr Vella meta, b’referenza għaċĊentru tal-Ilsien Malti u l-ħatra tas-Sinjura Norma Saliba lill-istess Times of Malta, qal; “But if you ask me if I agree with them, yes, I fully agree with both,” Olvin Vella told Times of Malta. “Judging by her experience, I am sure she has the capacity for such a role. Let us work together for our Maltese language.”
Il-Ministeru jaqbel mal-kliem pożittiv li l-President tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti qal kemm dwar it-twaqqif taċ-ċentru nnifsu u dwar is-Sinjura Saliba.
Il-Ministeru appella biex hekk kif il-Gvern għall-ewwel darba fl-istorja qed jikkommetti riżorsi sabiex isir xogħol tant meħtieġ favur il-lingwa Maltija, issir ħidma ffukata sabiex il-poplu jgawdi mill-kisbiet meħtieġa.