Ħerqan biex niltaqa’ mal-udjenza hawnhekk.
Dan kien kliem il-Maestro u l-vjolinist ta’ fama internazzjonali Andrè Rieu mal-mikrofoni ta’ ONE News ftit tal-minuti wara li wasal f’pajjiżna għaż-żewġ kunċerti li se jtella’ fuq il-Fosos tal-Furjana.
Qal “I am really looking forward to the audience here. I am always looking forward to the audience because that is why I travel the world. You know in classical music the conductor comes and then he turns his back and you don’t see him anymore. But I look the people into the eyes and make contact with the audience, like I look you into the eye.”
Ir-“Re tal-Waltz”, kif Maestro Rieu hu magħruf, flimkien mal-Orchestra Johann Strauss mistennija li jsaħħru l-udjenzi fl-ewwel u t-tnejn ta’ Settembru, u li għalihom eluf mistennija jattendu.
Din se tkun l-ewwel darba li l-Maestro ta’ 73 sena mill-Olanda, se jtella’ kunċert hawn Malta, wara li f’Novembru tas-sena li għaddiet ġie f’pajjiżna għal ftit sigħat biex ħabbar proprju dawn iż-żewġ kunċerti. Dakinhar kien stqarr li kienu diversi Maltin li attendew għall-kunċerti tiegħu barra minn xtutna u staqsewh meta se jiġi Malta.
Rieu, iben maestro ieħor, trabba fid-dinja mużikali klassika u beda jitgħallem il-vjolin sa minn età żgħira, però jgħid li l-atmosfera ta’ kunċerti b’mużika klassika kienet tkun dejjem waħda serja. Għalhekk il-kunċerti li joffri hu permezz tal-orkestra tiegħu ma jkollhomx din l-atmosfera anzi hu magħruf għall-briju li joħloq waqt l-istess kunċerti.
Fl-Arjuport, Rieu kellu wkoll xi jgħid dwar it-temp li sab jilqgħu f’pajjiżna.
Qal“I hope that the weather will be dry, you promised me that it would not be raining, it never rains here. Now I come and it rains.”