L-istazzjon tal-BBC sab aktar evidenza dwar il-każ tal-influencer kontroversjali Andrew Tate u ħuh Tristan, li għexieren ta’ nisa kienu sfurzati jagħmlu xogħol ta’ pornografija u prostituzzjoni onlajn.
Dan inkixef wara li nstabu diversi chats ta’ iktar minn 45 mara li allegatament bejn Marzu tal-2019 u April tal-2020 kienu imġiegħla jagħmlu xogħol pornografiku minn membri ta’ grupp bl-isem ta’ “War Room” li jmexxi Andrew Tate.
Madankollu l-aħwa f’numru ta’ intervisti ċaħdu kategorikament l-akkużi miġjuba kontrihom.
Fir-Rumanija lura f’Ġunju, l-eks Kickboxer ta’ 36 sena flimkien ma’ ħuħ u tnejn oħra, ġew akkużati bi stupru, traffikar tal-bnedmin u li ffurmaw grupp ta’ kriminalità organizzata biex jisfruttaw lin-nisa sesswalment.
Però ftit tal-ġimgħat ilu, l-aħwa Tate ġew rilaxxati b’diversi kundizzjonijiet fosthom li issa jistgħu joħorġu mid-dar sal-kapitali Bukarest u d-distrett fejn jgħixu fir-Rumanija però jridu jinfurmaw lill-pulizija jekk se jkunu ħa jbiddlu l-indirizz tagħhom.
Il-BBC qalet li bħalissa qed jinvestigaw 12,000 paġna ta’ messaġġi mibgħuta minn mijiet ta’ membri tal-“War Room.”