Tnediet l-ewwel politika nazzjonali għall-iżvilupp ta’ enerġija rinnovabbli offshore, li se tkun qed tmur għall-konsultazzjoni pubblika wara li diġà saru numru ta’ laqgħat ma’ diversi msieħba.
Dan tħabbar f’konferenza tal-aħbarijiet li ġiet indirizzata mill-Ministru responsabbli mill-Enerġija, Miriam Dalli, flimkien mal-Inġinier Sandro Lauri mill-Aġenzija għall-Enerġija u l-Ilma.
Il-politika mnedija għall-konsultazzjoni għandha diversi miri, fost l-oħrajn li tiddiversifika l-mod li bih pajjiżna jiġġenera l-enerġija, l-assikurazzjoni tal-provvista u ż-żieda fir-riċerka dwar din it-teknoloġija.
S’issa ġew identifikati sitt żoni li se jkollhom l-inqas impatt ambjentali, b’mod partikolari dawk iż-żoni li huma suġġetti għall-inqas traffiku marittimu, u li jinsabu bejn tnax u ħamsa u għoxrin mil nawtiku ’il bogħod mix-xtut ta’ pajjiżna.
Peress li l-proċess hu wieħed rigoruż, il-politika qed tipproponi fost l-oħrajn, il-ħolqien ta’ one-stop-shop li bih il-proċess ikun faċilitat għall-investituri fis-settur kemm dawk lokali kif ukoll internazzjonali.
Diversi strumenti finanzjarji qegħdin jiġu kkunsidrati bil-għan li pajjiżna jgawdi minn enerġija bi prezz kompetittiv kemm għall-konsumaturi, iżda wkoll għall-investituri li se jkunu qegħdin jidħlu fis-suq.
Il-politika mhux se tkun qed torbot lil pajjiżna għal xi tip wieħed ta’ ġenerazzjoni tal-elettriku sakemm din tkun enerġija nadifa. Minħabba l-fond tal-baħar fiż-żona ekonomika esklussiva ta’ pajjiżna, l-enerġija se tkun iġġenerata b’sistemi f’wiċċ l-ilma, kif jispjega l-Inġinier Sandro Lauri.
Qal “Din il-politika hi intenzjonata biex tidentifika siti approprjati għall-investituri li jinteressahom jiżviluppaw impjanti rinnovabbli off-shore floating kemm jekk humiex tar-riħ, solari jew anke teknoloġiji oħrajn. Ovvjament, dan il-proċess ra biex kemm jista’ jimminimizza l-impatti fuq attivitajiet marittimi oħrajn. Issa ovvjament ħarġet għall-konsultazzjoni pubblika biex b’hekk inkunu nistgħu naraw li anke l-opinjonijiet u l-ideat tan-nies jiġu integrati f’din il-politika.”
Dan biex pajjiżna jilħaq id-diversi miri li għandu dwar l-enerġija, primarjament dawk fil-ġenerazzjoni ta’ enerġija nadifa, jiġifieri b’livell ta’ karbonju baxx jew xejn.
Hu spjega kif preżentament pajjiżna għandu biss għaxra fil-mija tal-enerġija ġġenerata li ġejja mir-rinnovabbli, filwaqt li għoxrin fil-mija ġejjin mill-interconnector u l-bqija mill-ġenerazzjoni tal-enerġija permezz tal-gass mill-powerstation.
It-teknoloġija ta’ ġenerazzjoni tal-elettriku ’l barra mix-xatt hi waħda relattivament ġdida, kompla jispjega Lauri, u b’hekk pajjiżna qed ikun proattiv billi jisfrutta din it-teknoloġija li għandha mill-inqas effetti negattivi.
Il-Ministru responsabbli mis-settur tal-enerġija, Miriam Dalli nnotat kif minkejja d-diversi inizjattivi favur enerġija rinovabbli fuq l-art, l-ispazju ta’ pajjiżna huwa wieħed limitat.
Qalet “U allura qegħdin inħarsu lejn il-potenzjal tal-baħar li jiċċirkondana. Din l-opportunità ma tiġix mingħajr l-isfidi tagħha, però llum bil-mod kif qed timxi wkoll it-teknoloġija fejn qegħdin naraw li għandna floating off-shore renewables, qegħdin naraw li hi opportunità għal dan il-pajjiż. Allura din il-politika bil-feedback ta’ ħafna nies differenti tista’ tgħinna nkomplu nimxu biex verament ikollna tranżizzjoni ħadra u naslu f’sitwazzjoni fejn l-ekonomija tagħna tkun newtrali mill-aspett ta’ klima.”
Waqt il-konferenza tal-aħbarijiet il-Ministru Dalli stqarret li, b’dan il-pass, pajjiżna se jkompli jaħdem biex ikollu enerġija nadifa msejsa fuq diversi fatturi, fosthom id-dikarbonizzazzjoni, is-sigurtà tal-provvista u l-affordabilità.
Dan minbarra li dawn il-proġetti se jkunu qed joħolqu aktar impjiegi ta’ kwalità, kompliet tinnota l-Ministru Dalli.
Fl-aħħar nett, hi elenkat ukoll il-ħidma li bħalissa għaddejja fis-settur tal-enerġija, inkluż ix-xogħol fuq it-tieni interconnector.
Wieħed jista’ jagħmel kuntatt mal-Aġenzija għall-Enerġija u l-Ilma fuq l-indirizz elettroniku info-energywateragency@gov.mt, filwaqt li l-konsultazzjoni pubblika se tkun miftuħa sal-aħħar ta’ Settembru u s-sottomissjonijiet jistgħu jsiru fuq is-sit: https://www.gov.mt/en/publicconsultation/Pages/2023/NL-0030-2023.aspx