Raġel, li allegatament xerred fuel fuq dgħajsa u ngħatat in-nar, inżamm arrestat wara li wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih.
Olivend Xuereb ta’ 38 sena minn Buġibba ġie mixli b’involviment fil-każ, li seħħ fit-28 ta’ Lulju tas-sena l-oħra, meta d-dgħajsa ankrata fil-baħar f’Tignè, tkebbset bin-nirien.
In-nar kien spiċċa jintefa minn persuna terza.
Fl-investigazzjonijiet mill-Pulizija kienu ġew elevati filmati mill-kameras tas-sigurtà u li wasslu biex ġew identifikati żewġ persuni li resqu qrib id-dgħajsa.
Is-sena l-oħra, ċertu Wayne Delia u Xuereb kienu ġew arrestati bħala suspettati, iżda dak iż-żmien ma kienx hemm biżżejjed evidenza kontra Xuereb. Intqal li, milli jirriżulta, ir-rwol ta’ Xuereb kien li jxerred il-fjuwil fuq id-dgħajsa, filwaqt dak ta’ Delia kien li jagħtiha n-nar.
Minbarra dawn l-akkużi, Xuereb, li jaħdem fil-maintenance u huwa uffiċjal tas-sigurtà u voluntier, ġie mixli wkoll li gideb fil-Qorti. Fil-passat ukoll kellu diversi każi fil-Qorti, fosthom serq.
Hu għamel talba għall-ħelsien mill-arrest, iżda l-Prosekuzzjoni ma qablitx mat-talba hekk kif għad hemm xi xhieda li għad iridu jixhdu.
Il-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Kevan Azzopardi, ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest, ladarba r-raġel ma pprovax jirriforma ruħu u hemm dubju kemm se josserva l-kundizzjonijiet imposti fuqu.