Fit-8 ta’ Settembru, nhar il-Vitorja, Heritage Malta se tiċċelebra r-rebħa ta’ Malta f’żewġ avvenimenti storiċi billi tiftaħ il-bibien tal-Forti maestuż ta’ Sant’Anġlu bi prezz imraħħas u bi programm speċjali ta’ attivitajiet imsejjaħ A Tale of Two Sieges.
Jum il-Vitorja jfakkar żewġ ġrajjiet ewlenin fl-istorja ta’ Malta – it-tmiem glorjuż tal-Assedju l-Kbir fit-8 ta’ Settembru 1565, meta l-qawwiet Ottomani qatgħu qalbhom wara tliet xhur ta’ battalji bla heda biex jippruvaw jaħkmu l-Gżejjer Maltin, kif ukoll id-data fl-1943 meta sar magħruf li l-Italja Faxxista kienet ċediet u b’hekk tat nifs lil Malta fit-Tieni Gwerra Dinjija.
B’koinċidenza, f’dan il-jum hu ċċelebrat ukoll it-twelid tal-Verġni Marija.
Il-ġurnata se tibda b’quddiesa fl-10:00 fil-Kappella tat-Twelid tal-Madonna, segwita b’kommemorazzjoni ħdejn il-mafkar tar-Rebħa tal-Assedju l-Kbir, bis-sehem tal-1st Cospicua Scout Group, Sea Cadets Malta u l-Kumitat Festi Nazzjonali.
Waranofsinhar se jsiru diversi wirjiet u re-enactments storiċi li juru aspetti mis-seklu 16 sat-Tieni Gwerra Dinjija. Il-gruppi li se jtellgħu dawn il-wirjiet huma Show of Arms, Malta Historical Fencing Association, Historical Re-enactment Group of Malta, Malta Command WW2 Living History Group, u Battlefields Living History Reenactment Troops Malta.
Il-Forti Sant’Anġlu se jkun miftuħ mill-10:00 sas-18:00, bl-aħħar dħul fil-17:30. Il-pubbliku se jkun jista’ jgawdi wkoll veduta mill-aqwa tat-tiġrijiet tar-Regatta, flimkien ma’ bar li jservi xarbiet u ikel ħafif. Se jkun hemm ukoll aċċess għan-naħa ta’ fuq tal-forti, li hija amministrata mill-Ordni Militari Sovran ta’ Malta.
Il-biljetti għal dan il-jum ta’ attivitajiet jistgħu jinxtraw biss minn ħdejn il-bieb fit-8 ta’ Settembru stess. Il-biljetti jiswew €3
għall-adulti, l-anzjani u l-istudenti. Tfal sal-età ta’ 11-il sena u membri ta’ Heritage Malta li jippreżentaw il-card tas-sħubija
jidħlu b’xejn. Il-passaporti ta’ Heritage Malta ma jistgħux jintużaw għal dan l-avveniment.
F’din l-istess okkażjoni, Heritage Malta se tniedi żewġ pubblikazzjonijiet b’rabta mat-80 anniversarju minn meta l-qawwa
navali Taljana ċediet fl-1943. L-awturi taż-żewġ kotba se jkunu preżenti. Il-pubblikazzjonijiet se jikkwalifikaw għall-offerta
popolari ‘3 for 2’, fejn tixtri tliet kotba u l-orħos wieħed fosthom tieħdu b’xejn