Il-pjanijiet iffinalizzati tal-proġett ta’ spazzju miftuħ ġdid f’Bormla issa jinsabu quddiem l-Awtorità tal-Ippjanar.
Tħabbar dan f’konferenza tal-aħbarijiet mill-aġenzija Proġett Green.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Project Green, Steve Ellul, ħabbar dettalji ġodda dwar il-proġett fejn spegja kif wara li saret il-konsultazzjoni pubblika, se jkun hemm modifikar tal-proġett ibbażat fuq proposti li saru mir-residenti.
Fost il-proposti li se jkunu qed isiru, Ellul semma żieda fil-parkeġġi kif ukoll bejn imħaddar. Hu qal kif dan il-proġett, li huwa ta’ daqs ta’ 3,000 metru kwadru, se jkun qed iservi bħala sors ta’ importanza għad-dehra tal-Kottonera.
Dan l-ispazju miftuħ imħaddar se jkollu żoni bis-siġar u arbuxelli, bandli u logħob ieħor għat-tfal, nature hut u żoni għal attivitajiet oħra fil-qalba tal-komunità ta’ Bormla.
Spjega kif il-proġett se jkun qed jirrispetta l-ambjent u l-arkitettura preżenti f’Bormla.
Il-Ministru għall-Ambjent, Enerġija u l-Intrapriża, Miriam Dalli, esprimiet is-sodisfazzjon tagħha għal dan il-proġett fejn qalet kif din hi wegħda tal-manifest elettorali oħra li se nkunu qed naraw titwettaq.
Il-Ministru Dalli fakkret li din is-sena Project Green u entitajiet oħra tal-Ministeru għall-Ambjent diġà lestew aktar minn 45,000 metru kwadru f’ġonna u spazji miftuħa ġodda jew riġenerati madwar il-pajjiż.
Ir-riġenerazzjoni ta’ dan l-ispazju se tinkludi żona għall-meditazzjoni, żona għal ommijiet bit-trabi, logħob għat-tfal inklussiv, żona għall-picnics, faċilitajiet għall-parkour, u spazju għall-artiġġjanat. Il-proġett qed jiġi ppjanat biex joħloq spazju miftuħ li jagħtu dan l-ispazju lura lill-komunità.
Minħabba l-limitazzjonijiet ta’ parkeġġ, il-proġett se jkollu wkoll parkeġġ għal madwar 240 karozza mibni taħt l-art.
Permezz ta’ ippjanar tal-pajsaġġ b’mod strateġiku, bl-integrazzjoni ta’ siġar u pjanti oħra, dan il-proġett se jseddaq il-biodiversità urbana ta’ dawn l-inħawi. Sabiex jiġi konservat il-wirt kulturali u storiku ta’ din iż-żona, arkati storiċi ġew inkorporati f’dan il-proġett, filwaqt li x-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni se jkunu sorveljati minn esperti fl-arkeoloġija.