Id-Deputata Nazzjonalista Julie Zahra, li qiegħda fuq quddiem nett fl-aġir tal-Oppożizzjoni kontra l-cash rebate fl-industrija tal-films, inqabdet ma tafx kif jaħdem l-istess inċentiv, anke jekk ippreżentat konferenza tal-aħbarijiet proprju biex titkellem dwaru.
Fil-konferenza, li indirizzat kontra l-programm ta’ cash rebate, li jiġi offrut lill-produtturi tal-films b’konformità ma’ regoli Ewropej, Zahra nqabdet tħawwad u tgħid li Malta tagħti cash rebate tal-budget totali ta’ produzzjoni, minflok ta’ dak li jintefaq f’pajjiżna biss.
Julie Zahra: “Jekk jiġik film barrani u, pereżempju, dan għandu baġit ta’ mitt miljun u f’Malta jiddeċiedi li jħallas, li ħa jonfoq tletin minnhom … meta tagħtih l-40%, hemmhekk aħna ħa niġu b’diskrepanza.”
Dan mhux minnu xejn, hekk kif spjega l-Ministeru għat-Turiżmu fi stqarrija fejn fisser id-dikjarazzjoni ta’ Julie Zahra bħala fabbrikazzjoni assurda ta’ Oppożizzjoni li qed tigdeb jew ma tafx kif isiru l-affarijiet.
Fil-fatt il-Ministeru reġa’ spjega li l-cash rebate jingħata wara skrutinju rigoruż u fuq dak li jkun intefaq f’Malta.
Qal li l-cash rebate ta’ Malta jassigura l-kompettività ta’ pajjiżna fis-suq globali tal-films u hu surreali li l-Oppożizzjoni Nazzjonalista trid capping fuq il-cash rebate. Dan ifisser li jiġi limitat ix-xogħol f’pajjiżna b’riskju li l-industrija terġa’ tispiċċa waħda bl-iskossi, jintilfu x-xogħlijiet u l-crew Malti u Għawdxi jmur jirreġistra.
“Illum hawn aktar minn 1,300 persuna li jaħdmu fil-films u din l-industrija tgawdi minn produzzjonijiet back-to-back li qegħdin joħolqu bosta xogħlijiet għall-ħaddiema Maltin u Għawdxin. Hu proprju l-cash rebate li jassigura li l-maġġoranza l-kbira ta’ ħaddiema fuq dawn il-films ikunu Maltin”, irrimarka l-Ministeru politikament responsabbli mill-industrija tal-films.
Sadanittant, f’aktar taħwid li bdiet tgħid Julie Zahra, meta mistoqsija x’irid il-Partit Nazzjonalista għall-industrija tal-films, hi dlonk wieġbet lill-ġurnalisti li rridu naraw iżjed ’il quddiem.
Aġir sintomatiku tal-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista.
Ġurnalist: “Jekk fhimtek sew għandu jkun hemm capping tal-cash rebate according kemm tkun kbira l-production. Jiġifieri kif qed taraw li taħdem din il-proposta. Il-kejl tagħha kif se jkun?”
Zahra: “Mela ovvjament trid tiġi aktar diskussa ’l quddiem u nispjegawha aktar fid-dettal.”