Triq Dminka fiċ-ċentru tar-Rabat Għawdex se tkun qed tinfetaħ mill-ġdid wara xogħlijiet li saru biex terġa’ tinbena mill-ġdid, b’servizzi aħjar u moderni. Permezz ta’ dan il-proġett mill-Ministeru għal Għawdex, se tkompli titjieb il-kwalità tal-ħajja ta’ bosta residenti li jgħixu fil-madwar u dawk li jgħaddu ta’ kuljum minn din it-triq ewlenija.
Fost ix-xogħlijiet, li saru fi Triq Dminka, kien hemm tibdil tal-mejn tas-servizz tal-ilma u dak tad-drenaġġ, filwaqt li saru għall-ewwel darba storm water culverts biex ġiet riżolta l-problema ta’ għargħar f’din it-triq fiċ-ċentru tar-Rabat.
Dan il-proġett jimxi id f’id mal-ħidma li qed titwettaq mill-Gvern Laburista f’Għawdex biex ikompli jibni mill-ġdid u jirranġa bosta toroq fil-gżira, flimkien mas-servizzi li jgħaddu minn taħthom.
Fost dawk li saru fl-aħħar żminijiet hemm Triq l-Imġarr fin-Nadur, li kellha tinqala’ kompletament u anke jinbnilha qafas apposta ġdid minħabba l-art taflija. Dan sar ukoll b’investiment multi-miljunarju.
Jikkumplimenta dan kollu hemm proġetti oħrajn kbar li qed ikomplu jtejbu l-infrastruttura Għawdxija jew jagħtu lill-gżira-oħt faċilitajiet li qatt ma eżistew, bħaċ-ċentru akwatiku, il-mużew t’Għawdex, il-park and ride fil-limiti tax-Xewkija, l-Iskola Primarja l-ġdida fir-Rabat u xogħlijiet fl-Iskola tan-Nadur, fost l-oħrajn.