Il-Partit Nazzjonalista ddikjara li dak li ġara kważi tliet ġimgħat ilu fil-Każin Nazzjonalista tal-Ħamrun mhux biss hu passat, imma wkoll spin ta’ ONE News.
Waqt il-ħin tal-mistoqsijiet f’konferenza tal-aħbarijiet fid-Dar Ċentrali, id-Deputat tal-Oppożizzjoni Darren Carabott stqarr li kien qed jistenna li jkollu mistoqsijiet dwar l-inċident vjolenti li seħħ fil-Każin Nazzjonalista fejn il-Kap Bernard Grech ma tħalliex jidħol ġewwa waqt il-marċ ta’ San Gejtanu nhar it-13 ta’ Awwissu li għadda.
Minkejja dan, meta ġie biex jirrispondi saħaq li l-inċident hu biss passat u saħansitra tgħawwiġ mill-kamra tal-aħbarijiet ta’ ONE, anke jekk għal numru ta’ jiem, wara li ġie żvelat minn ONE News, baqa’ jiġi rrapportat mill-midja kollha fil-pajjiż, għajr dik tal-PN stess.
Għadd ta’ opinjonisti, inkluż eks Ministri Nazzjonalisti u dawk qrib il-PN, ikkummentaw ukoll dwaru u qalu kif dan jirrifletti l-ġlied intern fil-partit u saħansitra d-dgħufija tal-Kap attwali.
Ta’ min ifakkar li Noel Mifsud Bonnici, li hu kanvażer ta’ Bernard Grech, spiċċa jidħol fil-Każin Nazzjonalista biex jargumenta mal-barman li l-Kap kellu dritt ikun hemm ġew. Kien hawn li, skont tagħrif żvelat minn mart Mifsud Bonnici stess, il-barman beda joffendih u sussegwentement ġie aggredit u msawwat minn numru ta’ persuni, anke waqt li kien midrub fl-art. Lil Mifsud Bonnici kellha ssirlu operazzjoni maġġura f’siequ l-leminija fl-Isptar Mater Dei.
Dwar dan, il-Kelliem tal-PN Darren Carabott qagħad jilgħab biss bid-diskors u jirreferi għall-istqarrija xotta li ħarġet ħamest ijiem wara fejn ingħad li l-każin kien se jingħalaq temporanjament.
Bintu, Mariah Mifsud Bonnici, ukoll qalet li missierha kien “il-ħaruf tas-sagrifiċċju” u tħalla waħdu waqt li l-kap Nazzjonalista Bernard Grech ddeċieda li jitlaq minn fuq il-post u waqt li ħalla lill-partitarju tiegħu jaqla’ d-daqqiet, qasam għan-naħa l-oħra tat-triq biex jippoża man-nies għar-ritratti u jitla’ fil-gallarija tal-Każin tal-Banda San Ġużepp biex joqgħod ixejjer lill-folla tiċċelebra l-festa.
Dwar l-istess każin fil-Ħamrun, li jagħmel parti mill-Ewwel Distrett, li minnu ġie elett hu stess, Carabott qal li ma jridx ikun parteċipi mill-ispin li qiegħda tagħmel il-kamra tal-aħbarijiet ta’ ONE.
Darren Carabott: “Jiena miniex se nkun parteċipi mal-ispin li intom għaddejjin biha, kif għedt inti issa li ilha ġimagħtejn u fuqhom.”
Kif żvela ONE News, il-każin fil-verità kien ingħalaq jiem qabel dik id-deċiżjoni tal-Partit Nazzjonalista b’riżultat tal-fatt li l-barman tal-każin, Manuel Attard, li ċaħħad l-aċċess lill-Kap, kien effettivament fuq vaganza twila mal-familja tiegħu, li bdiet eżatt wara l-inċident u wisq probabbli kienet ilha ppjanata.
Darren Carabott injora dan kollu u minflok ipprova jiskredita lill-ġurnalista ta’ ONE News.
Darren Carabott: “Jidher li għadek imwaħħla fil-passat, kif għedt inti, għax din ilha rrapportata minflok qed tirrakkonta affarijiet li ġraw ftit tal-jiem ilu.”