Ħames ġuvintur Taljani li kienu qegħdin jieklu fl-istabbiliment ‘Pasta & Co.’ fl-Imsida telqu mingħajr ma ħallsu l-ikel li kienu kielu.
Dan il-każ ġibed l-attenzjoni ta’ bosta inkluż tas-sit tal-gazzetta awtorevoli Taljana ‘Corriere della Sera’.
Il-ġuvintur li lkoll kellhom madwar sbatax-il sena, ordnaw mal-mitt ewro f’ikel u xorb bejniethom imbagħad qamu bl-iskuża li joħorġu barra jpejpu sigarett. Iżda lkoll ħarbu minn fuq il-post.
Is-sidien tar-ristorant Taljan irrapurtaw l-inċident lill-awtoritajiet u xerrdu ritratti meħuda mill-filmat tal-kameras tas-sigurtà permezz tal-midja lokali.
Inċidentalment ir-ritratt wasal għand missier wieħed mill-ġuvintur involuti wara li l-aħbar kienet saħansitra rrapurtata fuq il-midja Taljana, hekk kif wieħed mis-sidien tal-istabbiliment innota li l-aċċent tal-ġuvintur kien aktarx dak ġej minn Ragusa u ma xtaqx li dawn iż-żgħażagħ jerġgħu jirripetu dak li għamlu f’ristoranti oħra.
Dan wassal biex missier wieħed mill-ġuvintur, li għaraf lil ibnu minkejja li kellu wiċċu ma jintgħarafx, li kkuntattja lir-ristorant u offra biex iħallas il-kont.
Wieħed mis-sidien tar-ristorant stqarr li l-missier talbu l-informazzjoni biex jgħaddilu l-flus hekk kif infurmah li anke ibnu iddispjaċih ta’ dak li għamel. Sid il-ħanut stqarr li l-missier jidher raġel tal-affari tiegħu u sid il-ħanut qallu li ma kienx hemm għalfejn li l-missier iħallas il-kont. Minflok ipproponielu li jagħmel donazzjoni lill-organizzazzjoni Arka li tgħin il-persuni b’diżabbiltà, f’Għawdex.
Dan wassal biex il-missier ikkuntattja lura lis-sidien tal-ħanut li kien għamel donazzjoni ta’ mitejn u ħamsin ewro lill-organizzazzjoni u s-sidien tal-ħanut għalqu r-rapport li kienu fetħu mal-pulizija.
Minkejja dan il-ġenituri taż-żgħażugħ marru pass oltre minn hekk u offrew li binhom imur jaħdem hemm is-sajf li ġej b’xejn. Din il-proposta kienet ġentilment irrifjutata minn naħa tal-istabbiliment. Sid il-ħanut stqarr li apprezza l-ġest tal-ġenituri imma jaħseb li din kienet tkun umiljanti għall-ġuvni, li issa stqarr li ħa l-lezzjoni minn dan kollu.
Sid il-ħanut qal ukoll mal-gazzetta li fost dawk li offrew li jħallsu l-kont kien hemm kavallier mill-Ordni ta’ Malta, oriġinarjament minn Ragusa. Hu ġie mħeġġeġ li minflok jagħmel donazzjoni kif fil-fatt għamel.
Ritratt: corriere.it