Il-grupp The Convenience Shop plc ħabbret riżultati finanzjarji ferm pożittivi, għall-perjodu bejn il-bidu ta’ Jannar u l-aħħar ta’ Ġunju.
Fl-ewwel nofs tas-sena, il-grupp irreġistra bejgħ ta’ €22.5 miljun, żieda ta’ 16% meta mqabbel mal-istess perjodu fis-sena ta’ qabel.
Dan it-tkabbir kien riżultat ta’ żieda fil-bejgħ mill-ħwienet, marġini mtejba u trażżin fl-ispejjeż ġenerali.
Il-profitt gross bħala perċentwal tal-bejgħ kiber b’1.4 punti perċentwali għal 14.5%, ekwivalenti għal €711K f’termini assoluti.
Dan filwaqt li l-profitt operattiv tal-Grupp laħaq €1.6 miljun, b’titjib notevoli ta’ 0.9% fuq l-istess perjodu tul is-sena ta’ qabel.
Il-profitt qabel it-taxxa ra żieda sostanzjali ta’ 57%, jew ħames mija u ħmistax-il elf ewro, sabiex issa ammonta għal €1.4 miljun.
Mill-aħħar ta’ Ġunju, l-assi totali tal-Grupp ammontaw għal €36.5 miljun.
Intant, b’katina ta’ 88 ħanut, il-Grupp huwa mistenni li jkompli jespandi n-netwerk tiegħu, anke permezz ta’ investimenti bħal tagħmir ġdid ta’ refriġerazzjoni, arja kondizzjonata, xkaffar ġodda, u makkinarju ieħor.
Il-Kumpanija kienet ħarġet ukoll dividend finali nett ta’ €1 miljun għas-sena finanzjarja 2022. Għall-ewwel nofs tal-2023, id-Diretturi qed jiddikjaraw dividend interim nett ta’ €462K, ekwivalenti għal €0.015 għal kull sehem, li jirrifletti żieda sostanzjali ta’ 54% fuq id-dividend iddikjarat f’Awwissu 2022.