It-Tnejn filgħaxija nirien kbar ħakmu l-wied ta’ Marsalforn, f’Għawdex.
In-nirien, li bdew għall-ħabta tat-tmienja u nofs ta’ filgħaxija, infirxu f’żona wiesa’ tal-wied, tant li kkawża ħsarat konsiderevoli, għalkemm ma ġew irrapportati l-inċidenti li involvew xi persuni .
Pumpieri stazzjonati fit-taqsima t’Għawdex bdew ħidma intensiva minnufih biex jitfu u jikkontrollaw in-nirien, instigati wkoll mir-riħ qawwi li kien qed jaħkem l-akwati.
In-nirien kienu jidhru minn bosta lokalitajiet oħrajn f’Għawdex u kienu jixbhu dawk li ħakmu lil bosta pajjiżi fl-aħħar jiem u ġimgħat kawża tat-temperaturi estremi fuq l-Ewropa.
Kelliem għad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili spjega magħna kif f’din l-operazzjoni kien hemm involuti 15-il pumpier, sitt vetturi tat-tifi tan-nar u ntużaw ’il fuq minn 30 elf litru ta’ ilma.
Minħabba r-riħ, in-nirien baqa’ jinfirex b’mod mgħaġġel ħafna, iżda l-pumpieri rnexxielhom jitfuh anke jekk ħadu mal-erba’ siegħat.
Waqt li ħadd ma weġġa’ f’dan il-każ, għadu mhux magħruf x’ikkawża dawn in-nirien, iżda jirriżulta li saret ħsara ambjentali kbira.