Matul il-lejl li għadda l-Pulizija wettqet operazzjoni bħala parti mill-ħidma kontra attivitajiet kriminali, b’mod partikolari t-traffikar tad-droga, kriminalità organizzata u immigrazzjoni rregolari.
Kienet ħidma konġunta bejn diversi sezzjonijiet tal-Pulizija, li bdiet ftit wara t-tmienja ta’ filgħaxija, u ntemmet għall ħabta tas-siegħa ta’ filgħodu.
Kien ONE NEWS li l-ewwel żvela dwar din l-operazzjoni mill-Pulizija, fejn crew tal-istazzjon kien preżenti fil-Marsa t-Tnejn filgħaxija.
Fi stqarrija l-Pulizija qalet kif l-operazzjoni kienet iffukata fuq stabbilimenti, remissi u residenzi fil-Marsa, l-Ħamrun u n-Naxxar.
Wara diversi jiem ta’ investigazzjonijiet u osservazzjonijiet fuq ir-remissi li jinsabu fi Triq il-Ġerrejja, fil-Marsa, l-Pulizija ċċirkondat remissa li allegatament qiegħda tintuża għall-bejgħ tad-droga.
Hawnekk, il-Pulizija sabet raġel, li ġie arrestat u minn tfittxija li saret fil-post, nstabu 385 qartas kokaina; 250 qartas eroina; u 45 qartas ta’ kannabis sintetika, kollha lesti f’boroż żgħar biex jinbiegħu.
Fl-istess remissa nstab ammont konsiderevoli ta’ flus kontanti, mutur li kien irrapportat misruq, ponn tal-ħadid, sikkina, kif ukoll ġew elevati numru ta’ mobiles, apparat ta’ cctv cameras, kif ukoll oġġetti oħra b’rabta mat-traffikar tad-droga.
Intant, l-operazzjoni mid-diversi taqsimiet tal-Pulizija fil-Marsa u l-madwar saret ukoll b’rabta
mal-immigrazzjoni rregolari. Minn spezzjonijiet illi saru f’diversi toroq, ġew arrestati 67 persuna li kienu qegħdin jgħixu Malta llegalment.
Bl-assistenza tal-uffiċjali tas-Servizzi tad-Detenzjoni, dawn ittieħdu f’ċentru ta’ detenzjoni u beda proċess immedjat biex dawn jiġu ritornati lejn il-pajjiż tal-oriġini jew fil-pajjiż li legalment jistgħu jirrisjedu fih.
Sar ukoll arrest b’rabta mal-prostituzzjoni. Hawnekk ġew konfiskati mal-€4,600 fi flus kontanti.
B’rabta mal-operazzjoni tal-Pulizija fil-Marsa, saret ukoll tfittxija f’residenza fin-Naxxar.
Hemmhekk il-Pulizija sabet mal-€10,500 fi flus kontanti, waqt li ġew ikkonfiskati żewġ vetturi, ammont konsiderevoli ta’ ħwejjeġ tad-ditta, ġojjellerija u mobile phones.
B’din l-operazzjoni ġie infurmat il-Maġistrat tal-Għassa Dr Leonard Caruana LL.D li qed imexxi inkjesta.