L-organizzazzjoni globali Botanic Gardens Conservation International għadha kemm irrikonoxxiet lill-Ġonna Botaniċi tal-Argotti u ċ-Ċentru tar-Riżorsi bħala wieħed mill-aqwa ġonna botaniċi li jeżistu. Fil-fatt huma biss 83 ġonna botaniċi simili li għandhom dan iċ-ċertifikat.
Il-BCGI tifforma l-akbar network ta’ konservazzjoni tal-pjanti fid-dinja, hekk kif tirrappreżenta madwar 800 ġnien botaniku f’118-il pajjiż differenti.
L-istorja tal-ġonna storiċi fil-Furjana tmur lura għal żmien il-ħakma tal-Ordni tal-Kavallieri ta’ San Ġwann, hekk kif żewġ ġonna ngħaqdu f’wieħed u ħadu l-isem tal-uffiċjal amministrattiv Ignatius de Argote.
L-Argotti huma t-tielet l-eqdem ġonna botaniċi minn fost il-pajjiżi kollha tal-Commonwealth.
Minbarra attrazzjoni għal diversi familji u anke turisti, illum il-ġonna jintużaw ukoll għall-fini ta’ riċerka mill-Università ta’ Malta, mid-Dipartiment tal-Bijoloġija, l-Istitut għall-istudji tad-dinja, id-Dipartiment tal-Arkitettura u d-Disinn Urban u d-Dipartiment għall-Konservazzjoni u l-Istorja.
Stqarrija mill-Università ta’ Malta, ħabbret li din l-akkreditazzjoni tfisser li l-ġonna ġew rikonoxxuti bi standard dinji. Il-kriterji, li wasslu għaċ-ċertifikat prestiġjuż, kienu jinkludu l-abbiltà li jiġu mmaniġġjati l-kollezzjonijiet tal-pjanti, it-tagħlim lill-pubbliku, konservazzjoni u riċerka xjentifika.
L-aspett botaniku tal-ġnien għadda f’idejn l-Università fl-2016 minn amministrazzjoni Laburista, waqt li, fl-aħħar snin, il-ġonna kollha wkoll esperjenzaw investimenti massiċċi f’tisbiħ u manutenzjoni meħtieġa.