Vaganza ta’ grupp ta’ Maltin, li jinsabu f’Bali, l-Indoneżja, ħadet xejra kemmxejn differenti fl-aħħar siegħat. Dan minħabba t-terremot ta’ qawwa 7.1 fuq l-Iskala Richter, li heżżeż lill-pajjiż, fis-satra tal-lejl.
Minkejja li s’issa għadhom ma ġew irrapportati ebda imwiet jew ħsarat estensivi, tkellimna ma’ Jason Farrugia, li jinsab fil-belt ta’ Ubud fuq il-gżira ta’ Bali, iż-żona tat-terremot.
Hu spjegalna kif din kienet kompletament ta’ xokk għalih, hekk kif qatt ma esperjenza terremot ta’ din ix-xorta.
Hu spjega kif, għall-ħabta tal-erbgħa ta’ filgħodu ħin lokali, waqt li kien rieqed, sema’ l-ħġieġ jiċċaqlaq b’mod vjolenti – esperjenza li ma jixtieq li jgħaddi ħadd minnha.
“Kienu għall-ħabta tal-erbgħa ta’ filgħodu, jiġifieri kont qiegħed rieqed, u bdejt inħoss kullimkien jiċċaqlaq u l-ħġieġ tal-bibien, kollox jitriegħed. Kont għadni lanqas naf x’qed jiġri u ndunajt li kien terremot meta bdejt nisma’ l-klieb ta’ barra jinbħu. Imbagħad qbadt kollox kif kont u ħriġt ’il barra mill-kamra. Stajt ninnota anke l-ilma tal-pool fil-lukanda fejn kont, jiġifieri kollox jiċċaqlaq.”
Farrugia żied jgħid li, għall-kuntrarju, ta’ dak li jseħħ f’pajjiżna, fejn terremot idum biss ftit sekondi, f’dan il-każ, dak li esperjenzaw direttament dam madwar minuta.
Tenna li, minkejja li diversi turisti bħalu nħasdu u ħarġu jiġru barra anke biex jaraw x’kien ġara, għan-nies tal-lokal deher li din kienet xi ħaġa normali.
“Li kienet tal-biża’, li dan dam minuta, minuta u fuqhom. Aħna Malta mdorrijin jagħmillek ħames sekondi, jagħmillek ħafna. In-nies tal-lokal għalihom, mhix xi ħaġa ta’ barra minn hawn, imma għalina xi ħaġa kerha. Għalihom mhux daqshekk inkwetanti. Fil-fatt, bdew jispjegawli kollox, li għalihom, hawn bħalissa t-tlieta ta’ waranofsinhar, tista’ tgħid hawn kollox għan-normal.”
Farrugia, iżda temm jgħid li, għalih, minuta raha seklu, tant li kienet xi ħaġa li ma jixtieq lil ħadd jgħaddi minnha.
“Esperjenza kerha ovvja, l-aktar li hi kerha, mhux il-qatgħa, imma l-biża’ li taħkmek dak il-ħin. Dak il-ħin biża’ kbira, minuta taraha seklu. Ħaġa li ma nixtieq lil ħadd jgħaddi minnha.”
Tkellimna wkoll mal-eks plejer internazzjonali Malti Gilbert Agius, li jgħix fl-Indoneżja fejn hu kowċ ma’ tim lokali.
Minkejja, li jgħix ’il bogħod minn fejn seħħ it-terremot, hu qalilna li hu komuni li jseħħu terremoti simili fil-pajjiż.
“It-terremot seħħ ħafna ħafna ’l bogħod minn fejn noqgħod jien. Bl-ajruplan jekk irrid immur hemmhekk, irrid naqbad żewġ ajruplani, daqshekk ’il bogħod. L-Indoneżja hi kbira ħafna u hi komuni wkoll li jkun hawn ċerti terremoti.”
Sadanittant, aġenziji ġeoloġiċi qalu li dan it-terremot ma jpoġġix lill-pajjiż f’xi riskju ta’ tsunami. Hekk kif l-epiċentru tat-terremot kien ’l isfel ħafna, skont l-awtoritajiet tal-pajjiż, s’issa ma ġew irrapportati l-ebda ħsarat estensivi u lanqas persuni midrubin jew mejtin.