Hu l-kuntrattur u mhux il-Gvern Ċentrali, responsabbli mill-ġbir tal-iskart minn quddiem ir-residenzi f’Malta u Għawdex, iżda d-Dipartiment tat-Tindif u l-Manutenzjoni qed jagħmel xogħol addizzjonali biex ma jħalli l-ebda ħmieġ fit-toroq, partikolarment f’postijiet li jaraw frekwenza qawwija ta’ nies.
F’kumment lil ONE NEWS, id-Direttur Ġenerali tad-Dipartiment, Ramon Deguara, spjega kif f’ħafna żoni qed jaraw li n-nies qed joħorġu l-boroż tal-iskart mhux skont l-iskeda nazzjonali u allura kontra l-liġi.
“Il-Gvern permezz tad-Dipartiment iħoss li għandu jintervjeni bi frekwenzi addizzjonali u proprju f’dawn il-lokalitajiet tal-lum, kif isir ta’ kuljum għal dawn l-aħħar ġimgħat, qed naraw li nneħħu kemm jista’ jkun skart minn ġot-toroq matul il-ħin ta’ filgħaxija. Ovvjament nagħtu spazju lill-kuntrattur jaħdem filgħodu, però l-kuntrattur mhux obbligat li jiġbor kull tip ta’ skart li jara matul il-ġurnata. Hemm skeda nazzjonali u l-kuntrattur jiġbor dak li suppost jinħareġ dakinhar.”
It-Tnejn waranofshinar, crew ta’ ONE News żar San Ġiljan, Paceville, is-Swieqi, il-Gżira u Tas-Sliema, fejn rajna b’għajnejna tim ta’ ħaddiema mid-Dipartiment inaddfu t-toroq u jiġbru żibel li tħalla jew intrema fuq barra b’mod illegali.
Kif juru b’mod ċar il-filmati, fi triq waħda biss fis-Swieqi, fil-ġurnata li fiha suppost inħarġet biss il-borża bi skart organiku, stajna naraw numru ta’ boroż suwed, kaxxi tal-pizza, kaxxi bil-ħġieġ, żiemel tal-inxir u boroż bi fliexken tal-plastik.
Minn hemm morna lejn Tas-Sliema u l-madwar, fejn l-istess illegalità rrepetiet ruħha.
Hawnhekk il-ħaddiema tad-dipartiment kellhom jintervjenu biex ma jitħalla l-ebda żibel fit-triq, anke biex ma jinfirixx minħabba r-riħ.
Meta wieħed joħroġ l-iskart fil-ħin ħażin jew il-ġurnata ħażina, dan iwassal biex jinġema’ l-iskart, jinfirex tul it-triq, jattira l-ġrieden u anke ntejjen insapportabbli.
Hawnhekk Ramon Deguara appella biex kulħadd ikun responsabbli u jimxi mal-iskeda biex joħroġ il-boroż speċifiċi meta u kif suppost.
“Qegħdin nagħmlu appell biex ma jinħariġx skart li mhux suppost joħroġ f’din il-ġurnata. Jekk illum suppost tinħareġ il-borża bl-iskart organiku u flokha nħarġet is-sewda, din mhux se tinġabar qabel għada.”
Mit-2 ta’ Jannar li għadda tnediet skeda nazzjonali għall-ġbir tal-iskart, bil-kuntrattur jiġbor biss dak li suppost jiġbor f’dik il-ġurnata, waqt li dak li jinħareġ illegalment jispiċċa jitħalla hemm.
Minn nofs April li għadda sar obbligu għal kulħadd li jissepara l-iskart, waqt li minn Ottubru li ġej, min ma josservax tali obbligu, se jibda jeħel il-multi. L-ewwel inforzar se jkun bi twissija, iżda min jirrepeti l-offiża se jiġi mmultat.
Fil-każ tar-residenzi, l-ewwel multa se tkun ta’ €25 u t-tieni ta’ €50. Għas-sidien tal-istabbilimenti, il-multi se jkunu ogħla, bl-ewwel multa se tkun ta’ €75 u t-tieni ta’ €150.