Il-ħaddiema Għawdxin li jaħdmu f’Malta, kemm mal-privat kif ukoll mal-Gvern, bdew jirċievu l-ewwel pagament ta’ sussidju għat-trasport għal din is-sena.
Mijiet ta’ ħaddiema Għawdxin ta’ kuljum jaqsmu l-fliegu bil-vapuri tal-Gozo Channel jew bil-fast ferry biex jaqilgħu l-ħobżna ta’ kuljum f’Malta. Mill-portijiet huma, imbagħad, jaqbdu mezz ta’ trasport ieħor biex jaslu fuq il-post tax-xogħol tagħhom u lura lejn djarhom.
Il-pagament ikopri l-ewwel sitt xhur tas-sena, jiġifieri minn Jannar sa Ġunju. It-tieni pagament, li jitqassam fil-bidu tas-sena d-dieħla, imbagħad jinkludi x-xhur minn Lulju sa Diċembru.
Il-ħaddiema eliġibbli, applikaw fuq is-sit tal-Ministeru għal Għawdex, ikunu intitolati għal €650 f’sena, dan filwaqt li l-edukaturi jieħdu €525 f’sena minħabba li jkollhom il-vaganzi tas-sajf u b’hekk f’dawn il-ġimgħat ma jivvjaġġawx.
Din l-iskema, deskritta minn bosta ħaddiema Għawdxin bħala spalla finanzjarja għalihom mill-Gvern, hi miżura oħra li tħabbret fil-Baġit għal din is-sena.
F’kumment ma’ ONE News, il-Ministru għal Għawdex, Clint Camilleri, semma l-impenn tal-Gvern biex ikompli jservi ta’ spalla għall-ħaddiema Għawdxin f’Malta u anke l-ħidma biex f’din il-gżira jibqgħu jinħolqu xogħlijiet għall-Għawdxin stess.
“Irridu nibqgħu ninvestu biex fl-aħħar mill-aħħar noħolqu xogħol ta’ kwalità f’Għawdex, fid-dawl li llum il-ġurnata għandna rata ta’ qgħad li hu wieħed rekord minimu fil-gżira t’Għawdex. Nemmen li għandna dejjem niffokaw favur aktar xogħol ta’ kwalità u b’pagi aħjar fl-istess gżira u se naħdmu biex nibqgħu niġġeneraw xogħlijiet ta’ dan it-tip.”
Ta’ min isemmi kif is-sena l-oħra biss, aktar minn 3,800 Għawdxi li jaħdmu mal-Gvern u l-privat, ibbenefikaw minn investiment ta’ madwar €1,165,735 bejniethom.