Ir-Reġjun tal-Lvant se jkun ir-Reġjun Kulturali għas-sena 2024 u għal din l-okkażjoni mistennija jittellgħu diversi attivitajiet relatati matul is-sena kollha. Dawn l-attivitajiet se jkunu qed isiru b’ħidma konġunta bejn il-Kunsill Reġjonali tal-Lvant mal-kunsilli lokali.
Il-lokalitajiet, li jaqgħu fi ħdan ir-Reġjun tal-Lvant, jinkludu lil Birkirkara, Pembroke, is-Swieqi, Tal-Pietà, Ħal Għargħur, Ħal Lija, l-Imsida, Ta’ Xbiex, San Ġiljan, Tas-Sliema, l-Iklin u l-Gżira.
Dan tħabbar mill-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali, Owen Bonnici, u s-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali, Alison Zerafa Civelli.
Tali għajnuna hi wkoll fuq l-istess linja ta’ ħsieb politiku kif indikat mill-Prim Ministru Robert Abela fi tmiem il-ġimgħa waqt li żar il-festi fil-Birgu u Ħal Safi.
Waqt l-iffirmar ta’ dan it-titlu prestiġjuż, ġie spjegat li f’dan il-programm kulturali se jkunu onorati l-għeruq u t-tradizzjonijiet storiċi, filwaqt li jiġi ċċelebrat il-wirt divers li jifforma l-pedament tal-pajjiż. Se tkun enfasizzata wkoll id-diversità bejn il-ġenerazzjonijiet u l-kulturi.
Intqal ukoll li r-Reġjun tal-Lvant se jkun it-tieni reġjun li ġie fdat b’dan il-kalendarju kulturali hekk kif din is-sena dak it-titlu qiegħed f’idejn ir-Reġjun tan-Nofsinhar. B’kollox din is-sena biss ittellgħu erbatax-il attività kulturali u hu maħsub li se jittellgħu disa’ attivitajiet oħrajn fix-xhur li fadal minn din is-sena.
Is-Segretarju Permanenti Joyce Dimech, li kienet preżenti għal dan l-iffirmar, spjegat kif permezz tal-Iskema tar-Reġjuni Kulturali, qed jiġu implimentati partijiet sostanzjali tal-istrateġiji kulturali tas-sitt reġjuni, li ġew imnedija f’Diċembru li għadda.
Min-naħa tiegħu, il-President tal-Kunsill Reġjonali tal-Lvant, Anthony Chircop, tenna li t-titlu tar-Reġjun Kulturali se jservi bħala pjattaforma li juri l-identità unika tar-Reġjun tal-Lvant u qal li jinsabu mpenjati biex ikomplu jiġu implimentati inizjattivi dejjiema, bl-involviment attiv tal-komunità.
Il-Ministru Owen Bonnici sostna li dan fih innifsu hu investiment mhux biss f’aktar attivitajiet kulturali fid-diversi toroq u rħula, imma fl-aħħar mill-aħħar l-artisti nfushom li tant għandhom talent.
Huwa qal “Aħna nemmnu li l-aqwa mod ta’ kif twassal il-kultura hu li tressaqha kemm jista’ jkun qrib in-nies fil-pjazez u t-toroq tad-diversi bliet u rħula u għalhekk qed immexxu ’l quddiem dan il-proġett fejn kull sena reġjun ikollu t-titlu tar-reġjun
kulturali ta’ dik is-sena.”
Sadanittant is-Segretarju Parlamentari Zerafa Civelli rrimarkat li d-Diviżjoni tal-Gvern Lokali allokat kwart ta’ miljun ewro lir-Reġjun Lvant għal dan il-għan u l-inizjattivi kulturali li ġew organizzati se jgħinu fl-apprezzament lejn il-kultura Maltija u l-preservazzjoni għall-ġenerazzjonijiet futuri.
Qalet “L-għan ewlieni li jiġi ċċelebrat reġjun kulturali hu biex inkomplu nippromwovu l-kultura u l-wirt nazzjonali li għandna fil-qalba tal-lokalitajiet tagħna. Is-sena 2024 se tkun qed tara Reġjun il-Lvant b’dan it-titlu prestiġjuż tar-Reġjun Kulturali.”