Diversi sezzjonijiet tal-Korp tal-Pulizija, flimkien mal-Aġenzija tal-Inforzar Lokali, il-LESA, komplew bl-ispezzjonijiet biex jiġi żgurat li jkunu ssorveljati il-liġijiet fit-toroq Maltin.
Fi stqarrija, il-Pulizija qalet kif fl-aħħar jumejn waqt kontrolli li saru fil-Marsa u s-Swieqi kienu mħarrka tlieta u erbgħin vettura li nstabu li kienu qed isuqu b’veloċità eċċsiva, oħrajn li ma kinux lebsin ċinturin tas-sigurtà kif ukoll użu tal-mowbajl waqt is sewqan, fost oħrajn.
Fis-Swieqi, xufier ta’ vettura nstabet li kienet qed issuq mingħajr liċenzja valida, kif ukoll mingħajr polza tal-assigurazzjoni valida. Minnufih il-vettura ġiet irmunkata minn fuq il-post u nħarġu akkużi għall-qorti.
Waqt il-kontrolli li saru fil-Marsa, twaqqfet ukoll vettura li minn investigazzjonijiet li saru fuq il-post irriżulta li tnejn mill-persuni li kienu fiha kienu qegħdin jgħixu Malta illegalment.
Dawn il-persuni nżammu mill-Pulizija u ttieħdu f’ċentru ta’ detenzjoni sabiex jibda il-proċess u ma jibqgħux fil-pajjiż.
Il-Pulizija qalet kif l-ispezzjonijiet fit-toroq Maltin se jitkomplew b’mod konsistenti biex tibqa’ tkun imsaħħa ssigurtà fit-toroq.
L-appell tal-awtoritajiet jibqa’ dejjem biex ikunu mħarsa r-regolamenti għaliex hekk kulħadd jieħu ħsieb lil xulxin u jkunu evitati konsegwenzi mhux mixtieqa.