Żewġ persuni kellhom jiġu salvati mill-baħar wara li sabu ruħhom f’diffikultà fil-Coral Lagoon, magħrufa wkoll bħala l-“Ħofra”, fl-Aħrax tal-Mellieħa.
Jirriżulta lil ONE News li, għall-ħabta ta’ nofsinhar, intalbet l-għajnuna fuq in-numru tal-Emerġenza biex jassistu għawwiema wara li qabżu fil-baħar u ma kienx qed jirnexxielhom jitilgħu lura fuq l-art minħabba l-kurrenti tal-baħar.
Minħabba li l-bokka tal-“Ħofra” tħares lejn il-Grigal, bir-riħ kif kien illum, il-baħar ikun kalm u allura ħafna tegħlibhom it-tentazzjoni li jaqbżu jgħumu fiha.
Minkejja dan, kif ġara anke diversi drabi qabel, appena jiġu biex jitilgħu l-art, peress li jridu jduru mal-irdum tal-Aħrax, il-Majjistral ma jagħtihomx ċans li jagħmlu dan. Tant li ħafna jispiċċaw f’periklu għal ħajjithom.
Minkejja dan, jirriżulta li dan ma kienx il-każ illum, hekk kif skont l-aħħar tagħrif mill-Pulizija, il-persuni involuti ġew salvati mill-ħaddiema tas-Salib l-Aħmar li marru minnufih fuq il-post u assistewhom.