Somalu ta’ 32 sena, li ma jaħdimx u m’għandux indirizz fiss, wieġeb mhux ħati għall-akkużi li pprova jistupra mara nhar id-19 ta’ Lulju.
Huwa ġie mixli wkoll li żamm persuna kontra l-volontà tagħha, u li kkawżalha biżà.
Il-Prosekuzzjoni għamlet talba għal divjett fuq l-isem u l-post tax-xogħol tal-vittma, liema talba ġiet milqugħa.
Fil-Qorti ġie spjegat kif il-vittma kienet qiegħda f’laqgħa mal-imputat, meta huwa għamel avvanzi sesswali fil-konfront tagħha.
Intqal li hija mbuttatu u ppruvat titlaq mill-kamra, iżda huwa allegatament imbuttaha fuq sufan u prova jistupraha, iżda hi rnexxielha taħrab.
Il-Prosekuzzjoni qalet li r-raġel kien qed jingħata trattament fl-Isptar Monte Karmeli.
Huwa nżamm arrestat, hekk kif ma saret ebda talba għall-ħelsien mill-arrest.
Il-Qorti ordnat ukoll ordni ta’ protezzjoni fil-konfront tal-vittma, u avżat lill-imputat li jekk jikser din l-ordni, jiġi mmultat €7,000.
Fil-Qorti saret rakkomandazzjoni sabiex ir-raġel jitqiegħed fit-taqsima forensika u jkompli jirċievi t-trattament meħtieġ.