Madwar 200 sajjied irreġistrati, kemm professjonali u anki dawk dilettanti, jistgħu jserrħu aktar rashom għall-opri tal-baħar tagħhom mill-maltemp speċjalment fil-ġranet xitwin.
Dan wara t-tlestija tal-proġett tal-moll ta’ Wied il-Għajn, li kien ilu s-snin jinħass il-bżonn li jsir, minħabba l-ħsarat li saru mal-medda taż-żmien mill-elementi naturali , tant li saħansitra anki kienu nqasmu l-uċuħ tal-konkos tal-pedamenti tal-mollijiet.
Ix-xogħol inkorpora ħidma aktar sigura u moderna, tant li nbena ħajt apposta bħala protezzjoni mill-mewġ tal-binjiet fil-qrib.
Twaħħlu wkoll slielem apposta biex jagħmluha aktar faċli għall-baħħara u s-sajjieda li jagħmlu użu minn dawn l-inħawi.
Dan ix-xogħol li sar qed ikompli jsaħħaħ l-infrastruttura marittima tul il-kosta ta’ pajjiżna.
Il-Proġett, li kien ikkofinanzjat mill-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd, ra l-bini mill-ġdid ta’ madwar mija u erbgħin metru f’mollijiet tul Triq San Ġorġ, biswit il-Knisja ta’ Sant Anna f’Wied il-Għajn.
Jiem wara li tlesta l-proġett b’investiment ta’ kważi żewġ miljun ewro, One News iltaqa mas-Sindku tal-Iskalin, Mario Calleja fejn stqarr magħna l-ħsibijiet tiegħu dwar dan l-investiment u r-reazzjoni tal-iskalin fost oħrajn li jagħmlu użu minn dan il-moll.
“Apparti r-reazzjoni tal-Iskalin wieħed irid jara r-reazzjoni tas-sajjieda illi dan kien hemm bżonnu. Kien hemmhekk diġà però kien qed jiddeterjora. Kien hemm il-periklu li anki jekk tidħol karrozza mal-moll, kien hemm il-periklu li anki l-karrozza taqa l-baħar jew jisfronda l-moll allura Infrastructure Malta, in-naħa tal-Maritime, għamlet proġett sħiħ minn fejn il-pitch tal-Waterpolo sa barra fejn il-knisja, inkluz dan il-moll li qed ngħidu. Il-moll tkisser li kien hemm, ġie mwaqqa’.”
Is-sindku spjega aktar il-vantaġġi ta’ dan il-moll għas-sajjieda.
“Għandna moll ġdid illi iva r-reazzjoni tan-nies kienet tajba wkoll għas-sajjieda tagħna li jistgħu jittrakkaw mal-moll, għandek affarijiet moderni, għandek il-ħoloq moderni jiġifieri moħħi aktar mistrieħ minn qabel.”