Fi ftit sigħat, fil-lejl ta’ bejn il-Ġimgħa u s-Sibt, twaqqfu mitejn u sebgħa u sittin vettura waqt spezzjonijiet li saru, primarjament fiċ-ċentru tal-pajjiż, b’mod partikolari fit-toroq tal-Furjana u l-Belt.
Dawn l-ispezzjonijiet saru b’kollaborazzjoni bejn diversi entitajiet, li ngħaqdu flimkien biex jissorveljaw il-ħarsien tal-liġi marbut mas-sewqan, sustanzi u l-immigrazzjoni, fost oħrajn.
Matul il-lejl, saru tfittxijiet fil-vetturi mill-klieb, testijiet tan-nifs, spezzjonijiet fuq karozzi bil-Y Plates u l-permessi relatati, flimkien ma’ verifikazzjonijiet tad-dokumenti ta’ residenza b’rabta mal-immigrazzjoni irregolari, anki bl-għajnuna tas-Servizzi tad-Detenzjoni.
Il-maġġoranza assoluta ta’ dawk imwaqqfa kienu qed iħarsu r-regoli, u dawk li ma kinux, ittieħdet azzjoni immedjata fil-konfront tagħhom.
In-nuqqasijiet li nstabu kienu jvarjaw minn sewwieqa li nqabdu jsuqu mingħajr liċenzja, u b’pusses sempliċi tad-droga.
Din il-ħidma kienet ikkoordinata mill-Korp tal-Pulizija, flimkien ma’ Transport Malta u l-Aġenzija tal-Infurzar Lokali.
Joseph Busuttil, Operations Manager ta’ Transport Malta, saħaq li dawn l-ispezzjonijiet qed isiru b’mod regolari biex isaħħu s-sigurtà fit-triq.
“Transport Malta bħalissa qed tintensifika l-ispezzjonijiet, kemm fin-north, kemm fis-south u anki fiż-żona ċentrali.”
Stephen Cassar, Regional Enforcement Officer tal-LESA, qal kif dan l-eżerċizzju għaqqad diversi entitajiet f’ħidma konġunta bl-istess għan.
“Iltqajna mill-forzi tal-ordni kollha, Pulizija, Transport Malta u LESA, għax aħna jinteressana mis-sigurtà fit-toroq, qed niċċekkjaw id-driving licenses, insurances, breathalysers.”
L-Ispettur Daryl Borg, mid-Distrett tal-Belt innota kif anki taqsimiet diversi fi ħdan il-Korp stess ingħaqdu flimkien biex iwettqu dan l-eżerċizzju ta’ infurzar.
“Hawn diversi uffiċjali minn oqsma differenti fil-Korp tal-Pulizija fosthom il-K9 Unit, il-membri tar-Rapid Intervention Unit, mill-għases tal-Pulizija tal-Belt u distretti oħra, ingħaqadna hawn biex niżguraw li l-pubbliku qed isegwi r-regolamenti tat-traffiku u ma jkunx hemm ksur ta’ liġijiet.”
Il-ħidma ta’ infurzar fit-toroq u l-ispezzjonijiet se jitkomplew b’mod konsistenti biex tibqa’ tkun imsaħħa s-sigurtà fit-toroq.