F’konferenza tal-aħbarijiet fi tmiem laqgħa ta’ diksussjoni, il-Prim Ministru Libjan Fayez Mustafa al-Sarraj stqarr li minn żjara li ħasbu li ser tkun simbolika, ħarġu riżultati u fatti konkreti.
Dan jindika, qal il-Prim Ministru Libjan, impenn biex jitwettqu l-affarijiet.
Qal li dik ta’ bejnu u l-kontinġent Malti kienet laqgħa tajba u nqasmu diversi ideat. Intlaħaq qbil fuq numru ta’ ftehimiet u se jinħatru kummissjonijiet tekniċi biex jaħdmu fuqhom.
Iż-żewġ mexxejja ddiskutew fost oħrajn il-possibiltà ta’ titjiriet spissi mill-ġdid bejn il-pajjiżi li jirrappreżentaw.
Il-Prim Ministru Joseph Muscat ikkonferma ftehimiet bejn iż-żewġ pajjiżi. Qal li filwaqt li kienu diskussjonijiet fuq fatti konkreti, l-ewwel priorità tibqa’ li jkun hemm sigurtà sħiħa fil-pajjiż. Fakkar il-fatt li dan il-Gvern Libjan se jieħu l-ġurament uffiċjali jumejn oħra, u dan huwa sinjal pożittiv u l-ewwel pass sabiex ir-relazzjoni bejn iż-żewġ pajjiżi tkun normalizzata.
Il-Prim Ministru Malti qal li jrid jerġa’ jiftaħ ambaxxata fil-Libja, imma l-ewwel irid ikun żgurat li diplomatiċi Maltin ikunu siguri, filwaqt li jkun hemm pjan kif ikunu trattati ċertu affarijiet, fosthom visas.
Qal li Malta jaf tkun waħda mill-ftit pajjiżi b’rappreżentanza fil-Libja – fatt li joħloq pressjoni.
Mustafa al-Sarraj qal li tkellem mal-Prim Ministru Muscat dwar il-migrazzjoni. Irrikonoxxa li huwa suġġett li fih ħafna aspetti u jeħtieġu soluzzjonijiet, speċjalment għaliex il-Libja qed iservi ta’ pajjiż tranżitorju.
Irrimarka li din hija l-ewwel laqgħa bejnu u bejn Muscat. Tkellmu dwar il-Libjani li jgħixu Malta u s-sitwazzjoni tagħhom. Ir-relazzjoni bejn Malta u l-Libja minn dejjem kienet eċċellenti, u jeħtieġ li tinżamm hekk kemm jista’ jkun.