34 kuntistabbli ġew promossi fil-grad ta’ Surġent, f’ċerimonja li saret fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija.
Preżenti għal din iċ-ċerimonja, kien hemm il-Ministru għall-Intern, Sigurtà, Riformi u l-Ugwaljanza, Dr Byron Camilleri u l-Kummissarju tal-Pulizija, Angelo Gafà.
Is-Surġenti l-ġodda se jkunu stazzjonati f’diversi taqsimiet, fosthom fil-Gender Based & Domestic Violence Unit, l-FCID, Distretti, Border Control, fil-Laboratorju Forensiku, kif ukoll fis-Cyber Crime Unit.
Fil-messaġġ tiegħu lis-Surġenti l-ġodda, il-Ministru Dr Byron Camilleri qal li l-Gvern se jkompli jinvesti fl-għodda, fit-taħriġ, u l-kundizzjonijiet.
Dan fost diskussjonijiet fuq ftehim kollettiv ġdid.
Żied jgħid li se jitnieda dak li twiegħed fl-aħħar baġit, fir-rigward tal-pensjoni ta’ dawk li jagħżlu li joffru aktar minn 25 sena servizz.
Il-Kummissarju tal-Pulizija, Angelo Gafà, qal li l-Korp tal-Pulizija qiegħed jaħdem f’soċjetà li qiegħda tkompli tinbidel u għalhekk irid ikompli jaddatta għal din il-bidla.
Qabel il-ħatra uffiċjali, is-Surġenti l-ġodda lestew kors ta’ 12-il ġimgħa fl-Akkademja tal-Forzi Dixxiplinati f’Ta’ Kandja, fejn fost is-suġġetti li ngħataw taħriġ fihom, kien hemm investigazzjonijiet ta’ inċidenti tat-traffiku; informazzjoni dwar il-liġijiet kriminali u proċeduri tal-Qorti; investigazzjonijiet fuq xeni ta’ reati; kif ukoll tagħrif dwar l-ingaġġ mal-komunità; kif għandhom jgħinu lill-vittmi tal-kriminalità; informazzjoni fuq d-drittijiet fundamentali u l-kodiċi tal-etika tal-Pulizija.